Caritas Malta – 50 sena ta’ servizz lin-nies fil-bżonn

 

“Qed niċċelebraw 50 sena viċin in-nies. 50 sena on the side of people in need. Nixtieq nirringrazzja lil Media li attendejtu. Intom kellkom u għandkom rwol essenzjali biex twasslu l-messaġġ tagħna li nkunu l-vuċi tal-persuni fil-bżonn. Iż-żerriegħa li nitfgħu, intom tikkultivawha. Għalhekk nerġa’ ntenni l-apprezzament talli ġejtu u grazzi tal-ħidma fejjieda tagħkom.” Hekk esprima is-Sur Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, waqt konferenza stampa fejn tħabbar il-50 sena anniversarju mit-twaqqif ta’ din l-entità.

Monsinjur Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija spjega li Caritas hija organizzazzjoni Internazzjonali li twaqqfet fis-sena 1950. Hija federazzjoni ta’ aktar minn 160 Caritas madwar id-dinja. Caritas Internationalis hija maqsuma f’seba’ reġjuni u Caritas Malta hija parti mir-reġjun tal-Ewropa fejn hemm 46 pajjiż rappreżentat. Il-President ta’ Caritas Internationalis jiġi magħżul mill-Papa li bħalissa huwa l-Kardinal Tagle. Is-sede tagħha jinsab fil-Vatikan. Kull direttur ta’ Caritas Nazzjonali jinħatar mill-Isqof tal-post.

“Il-Knisja f’Malta dejjem poġġiet fiċ-ċentru tal-attenzjoni tagħha il-persuna umana u l-aktar lil dik vulnerabbli, minħabba f’hekk waqqfet permezz ta’ kongregazzjonijiet u għaqdiet tal-lajċi bosta opri ta’ karità tul il-medda tas-snin. U kien għalhekk li l-Arċisqof Mikiel Gonzi u l-Isqof Nikol Cauchi waqqfu l-ewwel Kunsill Nazzjonali Caritas b’digriet fil-11 ta’ Novembru 1968 u miegħu ġie approvat statut” spjega Monsinjur Cordina filwaqt li qal li l-ewwel direttur kien Dun Fortunat Mizzi.

Fil-11 ta’ Lulju 1979 inħatar Monsinjur Victor Grech bħala delegat li jmexxi is-segretarjat għall-ħidma soċjali u karitativa tad-djoċesi b’digriet ieħor tal-Arċisqof u fil-15 ta’ Mejju 1989 twaqqfet il-Fondazzjoni għar-riabilitazzjoni mid-droga fi ħdan l-istess Caritas Malta. Wara 37 sena li Monsinjur Victor Grech mexxa Caritas Malta, fl-1 ta’ Ottubru tal-2014 inħatar is-Sur Leonid McKay mill-Arċisqof Pawlu Cremona u l-aħħar żviluppi seħħew din is-sena meta Caritas Malta saret Fondazzjoni biex tkun konformi mal-liġi Maltija tal-organizzazzjonijiet volontarji nħatar is-Sur Anthony Gatt bħala Direttur tal-Fondazzjoni Caritas Malta nhar l-1 ta’ Ottubru 2018 mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.

Anthony rringrazzja lill-Bord tal-Ammministraturi ta’ Fondazzjoni Caritas Malta u l-Bord tad-Diretturi tal-Foundation for the Rehabilitation of Drug Abusers, u membri tal-Managment, Staff u Voluntiera, u l-Benefatturi li jgħinu lil Caritas Malta. Ma naqasx li jsemmi persuni li kienu fit-tmun tal-missjoni; Dun Fortunato Mizzi li ġab flimkien ħafna entitatjiet tal-Knisja fil-qasam tal-ħidma soċjali u lil Mons Victor Grech, li kabbar lil Caritas bħala siġra b’tant friegħi u siġra li tagħti kenn lil min iserraħ magħha u lil Leonid McKay li b’dinamiżmu ta spinta kbira fit-tisħiħ u l-iżvilupp tas-servizzi biex Caritas tibqa’ dik il-vuċi b’saħħitha fis-soċjetà.

“Ma’ dawn, f’dawn il-50 sena hemm tant persuni li taw ħajjithom, il-ħin tagħhom u tant benefatturi li għamlu possibbli li llum inkomplu inservu lil persuni fil-bżonn u ngħinu biex dawn il-persuni jkollhom vuċi. B’hekk Caritas hi tan-nies għan-nies,” esprima Anthony Gatt.

Kompla jispjega dwar sena ta’ attivitajiet u inizjattivi u li l-bidu ta’ dawn l-attivitajiet se jkun għada l-Ġimgħa fis-06pm b’quddiesa l-Konkatidral ta’ San Ġwann fejn isegwi riċeviment fil-Palazz tal-President, il-Belt.

F’dan l-Anniversarju sar revamp tal-Logo ta’ Caritas Malta li jirrappreżenta salib bil-fjammi tan-nar (Flaming Cross) li tissimbolixxa n-nar ta’ mħabba ta’ Kristu. Caritas tfisser imħabba, li tqanqal għ

all-kompassjoni u li ċċaqlaq biex wieħed joħroġ minnu nnifsu u jieħu azzjoni. Eżempji ċari ta’ dawn huma l-Isqof Romero, Mother Theresa, illum qaddisa u Papa Franġisku.

Caritas Malta tagħti importanza lill-portal/website fejn permezz ta’ din is-sit www.caritasmalta.org jersqu ħafna persuni għall-għajnuna u b’hekk sar revamp tal-Website b’informazzjoni aġġornata dwar l-istorja, servizzi, l-attivitajiet, stqarrijiet eċċ…

Id-Direttur ta’ Caritas Malta tkellem dwar il-Ġrieħi tas-Socjetà Maltija. Spejga dwar il-ħidma u dawk ir-realtajiet li Caritas tqajjem kuxjenza.
“Meta jkun hemm ġerħa fil-ġisem, l-uġigħ jgħajjatlek biex tagħtih l-attenzjoni proprju f’dik il-parti; u ma nistgħux ma nitkellmux dwar:

  1. Ġerħa tal-gap bejn is-sinjur u l-fqir. Hemm min sejjer tajjeb ħafna materjalment, imma persuni bi dħul baxx qed ibatu ħafna wkoll; dawn il-persuni għaddejja minn ħafna diffikultajiet. Hemm numru ta’ miżuri ta’ assistenza però nemmnu li biex ħadd ma jbati, min għandu jrid jaqsam ma’ min m’għandux.
  2. Ġerħa tad-droga. Filwaqt li nirrikonxxu l-isforzi tal-Forzi tal-Ordni fil-qabdiet tad-droga, dawn il-qabdiet kbar jinkwetawna. Insaqsu għaliex iktar persuni qed ifittxu l-kokaina u l-cannabis? Qed niddibattu l-legalizzazzjoni tal-cannabis. Ilkoll naqblu li prevention is better than cure imma nibqgħu naraw iktar ħsara milli ġid jekk il-kannabis tkun aċċessibbli legalment u mhux għal skopijiet ta’ mediċina. Il-legalizzazzjoni tagħmel il-cannabis iktar popolari. Din tinkwetana b’mod speċjali għall-adoloxxenti.
  3. Ġerħa ta’ theddida għas-sens ta’ komunità u l-breakdown tal-familji. Ma nistgħux ma nsemmux il-ġenerożità tal-Maltin li tkompli tidher fil-gbir ta’ fondi, anke f’nies dedikati fil-volontarjat, imma nibzgħu li l-valuri tal-kompassjoni, u l-attenzjoni għal xulxin qed jiġu mheddha. Dan jidher meta jkun hawn nuqqas ta’ żgħażagħ li jittħajru għal xogħol ta’ għajnuna soċjali, meta bniedem ifittex iktar il-paga milli r-responsabbilitajiet, meta fil-care ma tarax care, meta tara anzjan li ħadd ma jqumlu fuq tal-linja, meta tara nies ma jinteressahomx mir-riċiklaġġ, meta tfal m’għandhomx ħin għall-ġenituri anzjani tagħhom, meta l-ġenitur huwa mimli nervi mat-tfal tiegħu, meta tara żieda fis-separazzjonijiet u divorzji.
  4. Ġerħa tas-solitudni – meta l-komunità tiġi mheddha, meta kulħadd aljenat fl-affarijiet tiegħu biex ilaħħaq mal-pass mgħaġġel tal-ħajja, in-nies jiġu aljenati minn
  5. xulxin. Hawnhekk tikber il-faxxa ta’ persuni li jbatu s-solitudni,” esprima s-Sur Gatt filwaqt li spjega li Caritas Malta u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà qed jikkollaboraw f’kampanja dwar is-solitudni. Stieden lill-Prof. Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà li qal li huwa ta’ privileġġ għall-Fakultà li tkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Caritas Malta.

“Huwa fi dmir ta’ kull akkademiku li mhux biss jirriċerka imma wkoll jitkellem fejn hemm dawn ix-xorta ta’ ġrieħi fis-soċjetà. Bl-esperjenza ta’ Caritas bħala l-houesehold name u l-Fakultà, se nkunu qed inpoġġu fuq il-mappa din il-ġerħa tas-solitudni u nsibu dawk ir-risposti għal dawn il-pjagi” temm jgħid Prof Azzopardi.

Is-Sur Anthony Gatt qal li dawn il-ġrieħi jitolbu sforż kollettiv; l-awtoritajiet għandhom responsabbiltà kbira imma din mhux responsabbiltà tal-awtoritajiet biss imma ta’ kull cittadin u persuna f’pajjiżna.

Caritas Malta se tkun qed tagħmel kampanja msejħa “#Caritasin50ways” li ta’ kull ġimgħa, għal 50 ġimgħa, permezz ta’ awdjo-viżiv jitwassal messaġġ lis-Soċjetà Maltija.

Is-Sur Gatt spjega li wkoll din is-sena, għar-raba’ sena konsekuttiva, l-ikla tal-Milied, li tilqa’ persuni li m’għandhomx ma’ min jgħaddu l-Milied tagħhom, se terġa’ ssir fil-Kurja tal-Arċisqof nhar il-Milied fil-25 ta’ Diċembru

 

 

 

 

0.Comments

    Leave a Comment