Wara l-ġirja ta’ 100km nhar il-Ħadd 7 ta’ April MIGUEL MIFSUD JIPPREŻENTA DONAZZJONI LIL CARITAS MALTA

Nhar il-Ħadd 7 ta’ April, Miguel Mifsud temm b’suċċess il-ġirja ta’ 100KM madwar il-kosta ta’ Malta. Il-ġirja ta’ 100km Miguel irnexxielu jagħmilha fi 11:13:08  b’pass ta’ 6.43 minuti/km.

Ilbieraħ iltaqa’ mad-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, biex preżenta d-donazzjoni ta’ €6,100 li nġabru b’għan altruwistiku bħala ġest biex jagħti lura lin-nies fil-bżonn li huma mgħejjuna minn din l-organizzazzjoni. Fil-passat Miguel għamel żmien ta’ riabilitazzjoni fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas biex jikseb ħajtu lura minn dipendenza ta’ numru ta’ snin fuq sustanzi.

Id-direttur ta’ Caritas Malta is-Sur Anthony Gatt esprima l-apprezzament tiegħu lejn Miguel għal din l-inizjattiva u lejn kull min ta donazzjoni. “Dawn il-fondi se jkunu ta’ sostenn għal dawk l-aktar persuni vulnerabbli, is-servizzi ta’ Caritas Malta huma kollha bla ħlas. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li innutajna li numru ta’ persuni għamlu l-ewwel pass u resqu għall-għajnuna wara l-kuraġġ li ħadu mingħand Miguel. Kien mument sabiħ ħafna li naraw l-entużjażmu ta’ numru ta’ residenti miċ-Ċentru Terapewtiku tal-Ibwar, ta’ San Blas u ta’ Dar Charles Miceli flimkien ma’ staff li għamlu biċċa mill-ġirja miegħu. Ġie innutat wkoll li persuni fi programmi residenzjali terapewtiċi tħajru jibdew f’attività fiżika.” Anthony Gatt temm jgħid li huwa ta’ sodisfazzjon li nkomplu naħdmu ma’ Miguel Mifsud f’iktar avvenimenti u avventuri fejn permezz ta’ dan in-natural high inkomplu nwasslu l-messaġġ tas-sabiħ tal-ħajja ’l bogħod mid-dipendenza fuq id-droga.

Miguel Mifsud irringrazzja lil kull min b’xi mod tah is-sapport għal din il-ġirja b’mod speċjali l-isponsors. Irringrazzja wkoll lil dawk li nhar il-Ħadd 7 ta’ April sabu l-ħin biex ġrew biċċa mid-distanza miegħu bħala sapport u wkoll lil dawk kollha li għoġġobhom jagħtu donazzjoni.  “Bħalma jien fil-passat gawdejt mill-frott ta’ donazzjonijiet li ingħataw, illum inħossni kburi li nista’ nagħti lura ftit minn dan il-frott għal dawk il-persuni li qed ifittxu l-għajnuna tal-Caritas” temm jgħid Miguel waqt li ppreżenta d-donazzjoni li nġabret f’kont apposta li nfetaħ għal din il-ġirja ta’ 100KM.

Minbarra ġbir ta’ fondi b’risq Caritas Malta, Miguel kien strumentali fejn permezz ta’ diversi intervisti li għamel fuq il-media, wassal messaġġ ċar li l-attività fiżika żżommok ’il bogħod mid-droga. Għada Miguel se jiġi intervistat fil-programm Andrew Azzopardi fuq RTK103 fil-1115 ta’ filgħodu.