Eżerċizzi b’differenza
Caritas Malta qed tniedi sensiela ta’ laqgħat darba fil-ġimgħa għal seba’ ġimgħat konsekuttivi; fejn se tistieden lill-pubbliku in ġenerali jattendi għal Eżerċizzi b’differenza.
UTURN hija t-tema magħżula għal dawn il-laqgħat. Kull persuna fil-ħajja ikollha bżonn tieħu deċiżjoni li tibdel il-ħajja tagħha għall-aħjar.
Caritas ħasset il-ħtieġa li torganizza dawn il-laqgħat biex tipprovdi spazju ieħor għal min qed jistaqsi u jfittex li jgħix ħajja bi skop u fil-milja tagħha.
Permezz ta’ kelliema esperti fil-qasam tal-ħajja, intgħażlu temi li jwasslu għarfien dwar ħajja sana u pożittiva.
L-ewwel laqgħa se ssir fit-22 ta’ Frar, li tkun Ras ir-Randan fejn il-ftuħ ta’ dawn il-laqgħat se jkun permezz ta’ ċelebrazzjoni Ewkaristika u jingħata tagħrif dwar il-kumplament tal-programm.
Il-laqgħat jirrispondi għal dawn il-bżonnijiet:
- Il-bżonn li nifhmu x’inhuma dawk il-valuri li jsawruna bħala persuni
- Il-bżonn li nagħraf skop għal ħajti
- Il-bżonn li nagħraf kif ngħix l-isfidi u tbatija li niltaqgħu magħha
- Il-bżonn ta’ tkabbir spiritwali bħala wieħed mill-pilastri għat-tisħiħ tal-persuna.
Fejn normalment eżerċizzi jsiru kuljum għal ġimgħa sħiħa, dawn se jkunu sejħa ta’ darba fil-ġimgħa għal seba’ ġimgħat fejn l-aħħar laqgħa tkun fil-Ġimgħa Mqaddsa permezz ta’ Via Sagra. Il-laqgħat se jkunu interattivi fejn min jattendi jkun qed jipparteċipa b’mod dinamiku, kreattiv, bi spazju ta’ diskussjoni u riflessjoni.
Laqgħat miftuħa għal kulħadd u min jattendi bi tfal żgħar, ikunu animati għalihom.
Dawn il-laqgħat se jibdew minn nhar l-Erbgħa 22 ta’ Frar fis-6pm, fejn qabel il-laqgħa jisserva kafè/te, fis-sala Monsinjur Victor Grech, fil-Caritas Community Centre, Triq Mountbatten, il-Ħamrun.
Min jixtieq jattendi jċempel fuq 2219 9000 jew jibgħat email fuq info@caritasmalta.org biex jirriserva post peress li l-ispazju huwa limitat.