Caritas Malta nediet il-Kampanja Ġbir ta’ Fondi, Maratona ta’ Mħabba – li se ssir nhar is-Sibt fl-1 ta’ Novembru 2025 bejn il-11am u l-11pm, fuq l-istazzjonijiet viżivi kollha – bil-kanzunetta JIMPURTANI.
Madwar 30 sena ilu Philip Vella kien kiteb il-kanzunetta X’Jimpurtani li kienet għamlet ħafna suċċess, u dawn l-aħħar snin din il-kanzunetta nbidlet għat-titlu oppost ta’ JIMPURTANI. F’dawn l-aħħar snin Caritas Malta ġarret magħha din il-kanzunetta b’lirika ta’ Peppi Azzopardi b’messaġġi li jirriflettu l-ħidma kollha ta’ Caritas.
Din is-sena, din il-kanzunetta ħadet dehra ġdida, b’arranġament ġdid u wkoll ġie ffilmjat music video permezz tal-kantanti: Philip Vella, Annabelle Vella (MARA), Maria Spiteri (MARA), Rachel Lowell (MARA), Mike Spiteri, Amber Bondin, Glenn Vella, Janvil, Fabrizio Faniello u Kevin Paul Calleja. Produzzjoni ta’ Sean Vella u lirika ta’ Peppi Azzopardi b’kordinament ta’ Maria Ellul Desira. Dan kollu sar b’ħidma volontarja minn dawk kollha li taw sehemhom.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, irringrazzja lil Philip Vella tal-impenn biex ħa ħsieb l-arranġament għal darb’oħra ta’ din il-kanzunetta u wkoll lil Peppi Azzopardi tal-lirika, li jorbotha mal-ħidma ta’ Caritas Malta u l-mod kif isservi fis-soċjetà. Servizzi li jingħataw miċ-Ċentru fil-Komunità fejn anki ta’ kuljum jiltaqgħu gruppi ta’ sapport għal min għaddej minn separazzjoni, problemi emozzjonali li jimpattaw is-saħħa mentali u servizzi oħra li jingħataw bla ħlas bħal servizz ta’ għarfien dwar l-epilessija u użura. Irringrazzja wkoll lil Sean Vella Producer ta’ Jimpurtani u Maria Ellul Desira li kkordinat il-music video.
Philip Vella semma li ħafna snin ilu ġie avviċinat minn Caritas Malta biex jikteb kanzunetta u dak iż-żmien ma kienx jirrealizza sitwazzjonijiet li jgħaddu minnhom persuni minħabba problemi soċjali speċjalment il-faqar. Li jkun ta’ sapport f’dawn l-inizjattivi tfisser ħafna għalih.
Il-Vigarju Episkopali għall-ħidma fid-Djakonija, Mons. Martin Micallef tkellem dwar il-ħtieġa tas-servizzi li tati Caritas f’isem il-Knisja f’Malta. Iddeskrivha l-Caritas bħall‑ambulanza li dejjem pronta biex tassisti fejn hemm l‑uġigħ, il‑mard, id-dependenzi li qed jeqirdu ż‑żgħażagħ tagħna, is‑solitudni, l‑inugwaljanza, u tant u tant tbatija oħra. Ħeġġeġ biex il-poplu Malti u Għawdxi, fl-1 ta’ Novembru jkun ġeneruż bid-donazzjonijiet tiegħu.