Titħabbar It-Tieni Edizzjoni ta’ CARITAS RUN FOR LIFE – 12 ta’ Mejju 2024 Bil-kollaborazzjoni ta’ St Patrick’s Athletic Club

Waqt konferenza stampa Caritas Malta wasslet informazzjoni dwar it-tieni edizzjoni ta’ Caritas Run For Life, li daħlet fil-kalendarju ta’ Caritas bħala attività fiżika annwali.
It-tieni edizzjoni ta’ Caritas Run For life, se ssir fit-12 ta’ Mejju – ġirja jew mixja miċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas Ħaż-Żebbuġ u lura.
10 Km race – 5 Km race – 4Km mixja u 1Km race għal tfal bejn 6 u 9 snin u 2.5km race għal tfal bejn l-10 u t-13-il sena.
Caritas Malta temmen li fis-soċjetà tagħna kulħadd – tfal, adolexxenti, żgħażagħ, adulti u anzjani – għandu l-bżonn ta’ opportunitajiet fejn wieħed jesperjenza s-sabiħ li tgħix u tgħix il-ħajja sana ’l bogħod mis-sustanzi u dak kollu li jfixkel lill-bniedem milli jgħix bid-dinjità sħiħa tiegħu.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt irringrazzja lil dawk il-ħafna li qed jagħtu sapport lit-tieni edizzjoni ta’ Caritas Run For Life, peress li hija attività li tinkludi ħafna loġistika u preparamenti.
Beda billi semma żewġ esperjenzi partikolari li laqtuh immens wara l-attività tas-sena l-oħra; persuna li resqet fuqu u qaltlu li qatt m’għamlet attività fiżika u kienet proprju Caritas Run For Life li tat spinta u tibda tiċċaqlaq u minn dakinhar baqgħet tinvolvi ruħha f’attivitajiet fiżiċi, u persuna oħra, klijenta fir-riabilitazzjoni f’waħda mid-djar ta’ Caritas Malta li esprimiet li qatt ma immaġġinat li attività sabiħa bħal Caritas Run For Life tagħtik dak il-pjaċir san mingħajr ma jkollok il-bżonn ta’ sustanzi.
“Is-sentiment li nirrepetuha għandu żewġ għanijiet – il-konkorenza kbira tas-sena l-oħra għax tħeġġeġ ħajja sana u wkoll l-element ta’ fundraising. Caritas Malta hija favur ħajja sana u ilha madwar 35 sena tikkumbati mar-realtà ta’ sustanzi li jaħkmu persuni fid-dipendenza. Fil-ġurnata tal-lum ukoll naffaċċj aw ir-realtà tal-kannabis u l-kokaina bħala sustanzi li qed jidħlu dejjem iktar fis-soċjetà tagħna; laxkezza li tpoġġi żgħażagħ f’riskju u persuni li jsibu fid-droga aljenazzjoni u ħarba mil-ħajja. Bħalissa 58 resident qed jagħmlu programm terapewtiku residenzjali f’xi waħda mid-djar ta’ Caritas Malta. Is-sena l-oħra ’l fuq minn 750 persuna resqu għall-għajnuna flimkien ma’ ’l fuq minn 550 persuna relatata ma’ xi ħadd b’użu problematiku ta’ droga. Barra l-għajnuna diretta l-prevenzjoni hi ħidma importanti u Caritas Run for Life hi parti mill-istrateġija ta’ prevenzjoni. Għalina din tfisser promozzjoni għall-ħajja sana ’l bogħod mid-droga. Meta wieħed jieħu ħsieb saħħtu anki s-sistema tas-servizzi tas-saħħa jmorru tajjeb”. Hekk spjega d-direttur tal-Caritas filwaqt li wkoll tkellem dwar l-importanza tal-fundraising li b’hekk jiġu sostnuti s-servizzi li toffri Caritas Malta li huma kollha bla ħlas. Temm jirringrazzja lil Sportmalta li jagħtu sapport kontinwu matul is-sena lid-djar residenzjali ta’ Caritas Malta, lil St Patrick’s Athletic Club kollaboraturi fil-loġistika, The Convenience Shop bħala l-main sponsor għas-sapport li Caritas dejjem sabet meta ħabbtet il-bieb, Enemed, GO & Fun isotonic sport drink, Eurosport, Garmin, Mediterrenean College of Sport li jagħtu sapport għat-taħriġ tar-residenti, GS Health and Safety, Toto Perżuta Carnival Company, Malta Public Transport, Malta Police Force, LESA, lill-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ, St John Ambulance and Rescue, u Pen 2 paper.
Id-Direttur ta’ Sportmalta, is-Sa Rosemarie Mercieca, tkellmet dwar l-importanza li persuna tiċċaqlaq. In-nuqqas ta’ attività fiżika jġib mard miegħu bħal mard tal-qalb u problema ta’ zokkor u dan jista’ jiġi evitat jekk wieħed iżomm ruħu attiv.
“Il-missjoni ta’ Sportmalta dik hi. Sportmalta taħdem id f’id ma’ Caritas Malta fil-fatt minbarra l-kontribut f’Caritas Run For Life, Sportmalta tagħti sapport kontinwu matul is-sena lir-residenti fi djar ta’ riabilitazzjoni. Meta taħdem ma’ dawn il-klijenti tirrealizza is-sabiħ li permezz tal-isport nistgħu nagħtu dinjità lura lill-persuna. Din l-attività kienet ta’ suċċess kbir, fil-fatt is-sena l-oħra ħdimna fuq numru ta’ attendenza u dan sploda għax irdoppja kif m’għandix dubju li se jerġa’ jiġri f’din it-tieni edizzjoni ta’ Caritas run for life.” Temmet tgħid id-direttur ta’ Sportmalta.
Is-Sur Ray Spiteri President tas-St Patrick’s Athletic Club qal li l-klabb iħossu onorat li għal darb’oħra se jerġgħu jagħtu l-assitenza lil Caritas Malta. “Tgħallimna ħafna wara l-ewwel esperjenza ta’ Caritas Run For Life u se nkomplu ntejbu din it-tieni edizzjoni. Ħloqna iktar kategoriji fl-etajiet differenti bejn it-30 u 70 sena li jistgħu jirbħu trofew għall-ewwel, it-tieni u t-tielet post. Irrispondejna għal dawk li attendew il-mixja u ħassew li 2.5km kienet mixja qasira u tellajnieha għal 4km, u wkoll se nżidu iktar sigurtà fit-toroq tagħna. L-10km u l-5km se jibqgħu l-istess. Żidna wkoll trofew bħala rikonoxximent għal dak il-klabb jew skola li se jkollhom l-iktar persuni rreġistrati f’ismu li qed jipparteċipaw.” Dan spjegah is-Sur Spiteri filwaqt li ħeġġeġ klabbs u OCR’s biex iħeġġu lill-atleti tagħhom jattendu anki biċ-ċans ta’ dan it-trofew.
Is-Sur Andrew Attard l-Assistent Eżekuttiv tad-Direttur ta’ The Convenience Shop spjega li mill-bidu nett The Convenience Shop emmnu f’din l-attività u l-ħafna sabiħ li ġġib magħha. “Hija attività li tħoss li ilha ssir ħafna snin u mhux li hija t-2 edizzjoni tagħha. The Convenience Shop nemmnu ħafna li nkunu wara Caritas bħala parti mill-Corporate Social Responsability tagħna. Dan huwa l-aspett uman li nkunu vicin ta’ nies li huma tant fil-bżonn – id-droga hija tant aċċessiva iktar minn qatt qabel, allura rridu ninvestu aktar fin-nies permezz ta’ attivitajiet fiżiċi. Bħala kumpanija nħeġġu iktar kumpaniji jagħmlu kif għamilna aħna u flimkien mal-ħaddiema tagħhom jirreġistraw biex jattendu Caritas Run For Life u jkunu proattivi f’xi ħaġa hekk kbira u sabiħa flimkien.” Temm jgħid is-Sur Attard filwaqt li ħeġġeġ ukoll lil min iħaddem biex bħalma jagħmlu The Convenience Shop ikunu lesti li jintegraw lura fid-dinja tax-xogħol f’impjieg lill-persuni hekk kif ilestu programm għax ix-xogħol jagħti d-dinjità u terġa’ tkun milqugħ fis-soċjetà.

Wieħed jista’ japplika permezz tal-link www.caritasmalta.org/event/