The Alfred Mizzi Foundation b’sapport finanzjarju għall-Caritas Community Centre

Konferenza Stampa 5 ta’ Frar 2020

 

 Caritas Malta flimkien ma’ The Alfred Mizzi Foundation indirizzaw il-media waqt konferenza stampa fejn tħabbar is-sapport finanzjarju li The Alfred Mizzi Foundation qed jagħti bħala sapport għall-binja fil-Blata l-Bajda li se tkun iċ-ċentru ġdid ta’ Caritas Malta u li fiha tiġbor is-servizzi komunitarji kollha taħt saqaf wieħed.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, irringrazzja lill-Bord tal-Amministraturi, l-istaff u voluntiera ta’ Caritas Malta, lill-membri tal-bord ta’ The Alfred Mizzi Foundation u l-istaff ta’ The Chophouse li llum ospita din il-konferenza stampa.

“Il-viżjoni ta’ Caritas Malta hi li jiġi eradikat il-faqar, it-tisħiħ fl-iżvilupp sħiħ tal-persuna u l-ħarsien tal-ġustizzja socjali. Il-bniedem jibqa’ ċ-ċentru tal-ħidma kontinwa ta’ Caritas.  Din il-mira tmur id f’id mal-prinċipji ta’ The Alfred Mizzi Foundation li ma’ din l-istess fondazzjoni, Caritas Malta għandha storja twila li tmur lura ħafna snin meta s-Sur Albert Mizzi kien membru fil-bord tad-diretturi ta’ Caritas Malta u ta’ spalla u appoġġ għall-Monsinjur Victor Grech. Iktar viċin The Alfred Mizzi Foundation kienu l-pijunieri bl-idea għat-twaqqif tal-Fondazzjoni Dar il-Hena, proġett bejn il-Gvern, The Alfred Mizzi Foundation u l-Knisja permezz ta’ Caritas Malta. Ta’ kull sena, The Alfred Mizzi Foundation jieħdu ħsieb il-preparazzjoni tal-ikel fl-ikla tal-Milied organizzata minn Caritas Malta.” spjega d-direttur ta’ Caritas Malta. Hu tenna wkoll li dan il-proġett, kien ħolma li bdiet fl-2004 li però ma setgħetx tiġi atwata f’dak iż-żmien minħabba nuqqas ta’ riżorsa finanzjarja.

“Caritas resqet lejn The Alfred Mizzi Foundation, illum rappreżentata min Julian Sammut bħala Chairperson tal-bord u hemm beda l-vjaġġ biex din il-ħolma qed issir realta” temm jgħid Anthony Gatt.  Id-direttur għalaq billi qal li l-binja hi proprjetà tal-Knisja li fil-viżjoni tagħha qed tpoġġi għad-dispożizzjoni proprjetà għall-ħidma soċjali. Din ukoll sejħa li qed jagħmel il-Papa fl-eżempju tieghu.

Dan iċ-ċentru se jiġbor fih l-amministrazzjoni ta’ Caritas Malta u s-servizzi kollha mhux residenzjali li huma offruti lis-soċjetà fosthom il-counselling u s-social work li jagħmel interventi fejn ikun kriżijiet li jolqtu lill-familji, prevenzjoni fl-iskejjel u l-postijiet tax-xogħol, il-gruppi kollha ta’ sapport li jingħataw, l-Użura u l-kordinament tal-ħidma soċjali fil-parroċċi u tal-volontarjat. Hija binja ta’ 5 sulari fejn anki se jkollha sala li tospita sa 200 ruħ, drop in centre fil-komunità, tal-komunità u għall-komunità.

Is-Sur Julian Sammut, Chairperson ta’ The Alfred Mizzi Foundation spjega li wieħed mill-fatturi importanti li jħares il-bord mhux biss kemm se jitqassmu fondi imma wkoll lil min. Mhux biżżejjed li tiġi mgħejjuna l-kawża imma li jiġi ssodisfat il-kriterju  ta’ kif jigu amministrati l-fondi.
“Caritas Malta għandha rekord bil-provi, mhux tal-ħidma għaqlija biss imma wkoll ir-riżultati li tikseb. Għaldaqstant Caritas Malta toffri investiment fis-sod għall-organizazzjonijiet bħalna. The Alfred Mizzi Foundation għandha fiduċja f’din l-organizzazzjoni kif ukoll fin-nies li jmexxuha. Fost il-ħafna għajnuniet li nagħtu bħala Fondazzjoni, għall-qalbna ferm l-ikla ta’ jum il-Milied fejn Kitchen Concepts, kumpanija sussidjarja ta’ Alf Mizzi and Sons, li permezz tar-ristoranti tagħha Vecchia Napoli, Gululu u Café Cuba jippreparaw ’il fuq minn 550 porzjon għal dawk li jinġabru ’l bogħod mis-solitudni u jqattgħu l-Milied ma’ oħrajn u l-familja ta’ Caritas Malta. Ta’ dan inrodd ħajr lill-ħaddiema kollha tagħna li dan kollu jagħmlu b’ġenerożità u b’mod volontarju” temm jgħid is-Sur Sammut.

Julian Sammut irringrazzja lill-President Emeritus George Abela li huwa l-Project Leader u lil Leonid McKay, il-persuni li avviċinawh bil-proposta għall-għajnuna finanzjajra fuq dan il-proġett. “Inħossuna privileġġati tal-opportunità li nipparteċipaw f’dan il-proġett ambizzjuż li minnu tant se tgawdi s-soċjetà Maltija” ikkonkluda l-indirizz tiegħu ic-Chariperson ta’ The Alfred Mizzi Foundation, is-Sur Julian Sammut.

Il-President Emeritus Dr George Abela, bħala project leader tal-proġett, fetaħ l-indirizz tiegħu bil-poeżija  ta’ Rudyard Kipling– What if – poeżija dwar kif il-bniedem irid joħlom kif ukoll iwettaq bla ma jaqta’ qalbu. “Allaħares ma ħlomniex għax kieku dal-proġett ma konniex nibdewh u waħda mill-ħsibijiet tiegħi llum li m’għandek taqta’ qalbek qatt.  Jekk toħlom tajjeb – twettaq tajjeb” qal Dr Abela waqt li spjega kif pass wara pass wara li The Alfred Mizzi Foundation aċċettat li tagħti l-kontribuzzjoni ta’ 700,000 euro għal dan il-progett, din il-ħolma bdiet issir realtà. Dawn il-fondi ingħaqdu ma’ fondi interni li Caritas Malta kellha kif ukoll ma’ fondi oħrajn biex seta’ beda x-xogħol fuq il-binja f’Settembru li għadda. Dr Abela rringrazzja mill-qalb lil The Alfred Mizzi Foundation kif ukoll il-kontributuri kollha ta’ dan il-proġett li ġew flmkien bħall-bizzilla.

Fi tmiem il-konferenza stampa, id-Direttur ta’ Caritas Malta ppreżenta tifkira tal-okkażjoni lic-chairperson ta’ The Alfred Mizzi Foundation, is-Sur Julian Sammut.

https://vsquared.wetransfer.com/downloads/4f2edb4608a9b855b09a11a6ff352a5b20200205113016/f60fbef8595def3eb862ca03536f869a20200205113016/dc9a34

https://vsquared.wetransfer.com/downloads/17bcf00f878ea3a4882b7d8d771204dd20200130084826/24bdf9

 

 

 

 

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *