Riflessjonijiet u 15-il Proposta għall-Baġit 2026 minn Caritas Malta

Riflessjonijiet u 15-il Proposta għall-Baġit 2026

Dawn ir-riflessjonijiet huma mnebbħa:

  1. Mill-missjoni ta’ Caritas Malta favur Ġustizzja Soċjali, Eradikazzjoni tal-Faqar u Żvilupp Sħiħ tal-Bniedem
  2. Mill-valuri marbutin mad-dinjità ta’ kull bniedem; is-solidarjetà; is-sussidarjetà (empowerment) u l-ġid komuni
  3. Minn għażla preferenzjali lejn il-fqir b’viżjoni ekonomika li tpoġġi l-bniedem u l-ambjent fiċ-ċentru
  4. Mill-kuntatt ta’ kuljum li għandha Caritas Malta ma’ persuni li huma fost l-iktar soċjalment vulnerabbli minħabba dipendenza fuq d-droga; problemi ta’ saħħa fiżika u mentali; solitudni, persuni bla saqaf u f’faqar materjali, fost oħrajn.

Kuntest Ekononomiku u Soċjali

  • Malta qed tkompli turi reżiljenza ekonomika u tkabbir ekonomiku f’mumenti globali diffiċli.
  • Malta llum tikkonsisti minn soċjetà multikulturali, bl-akbar popolazzjoni, bil-vantaġġi u żvantaġġi li dan iġib miegħu u b’realtà fejn porzjon ikbar mill-popolazzjoni jgħixu fi djar bla tfal.
  • It-tisħiħ ekonomiku seta’ jipprovdi għal tisħiħ sostanzjali tal-Welfare state: firxa wiesgħa ta’ benefiċċji soċjali, żidiet fil-pensjonijiet; servizzi soċjali u għajnuniet sostanzjali għal għaqdiet volontarji fil-qasam soċjali; sussidji fuq l-enerġija, trasport pubbliku bla ħlas; saħħa u edukazzjoni bla ħlas; skemi ta’ akkomodazzjoni soċjali fosthom: l-iskema tal-First Time Buyers u dik ta’ Nikru biex Nassistu fost oħrajn; l-inizjattiva tal-Foundation for Affordable Housing li tpoġġi fis-suq djar affordabbli; u mekkaniżmu tal-COLA speċjali għal dawk bi dħul baxx.

Sfidi Kurrenti

  • Mentalità u Valuri Materjalistiċi; Konsumeristiċi u Individwalistiċi li qed idgħajfu l-għażliet tal-poplu favur il-familja; il-prokreazzjoni; il-kura tal-anzjani; għażliet ta’ studju fil-qasam soċjali u ta’ kura; il-ħarsien u l-kura tal-ambjent li qed idgħajfu r-reżiljenza tal-ġenerazzjonijiet iżgħar
  • Ġenituri li biex ilaħħqu mal-ħajja jew inkella biex ilaħħqu ma’ aspirazzjonijiet ekonomiċi u ta’ karriera, għandhom inqas ħin għat-tfal u biex jikkunsidraw li jkollhom it-tfal
  • Maniġjar taż-żieda tal-popolazzjoni u pressjonijiet varji li ġġib magħha
  • Distakk ikbar bejn il-fqir u s-sinjur
  • L-isfruttar ta’ ħaddiema barranin u sfidi fl-integrazzjoni tagħhom
  • Pressjonijiet kbar fuq l-ambjent naturali, u fuq arja nadifa inkluż dħaħen mill-karozzi
  • Problemi ta’ saħħa mentali inkluż żidied fil-konsum tad-droga

Direzzjoni Ġenerali

F’dan l-isfond u fil-kuntest ta’ soċjetà multikulturali u b’popolazzjoni akbar hu essenzjali li nħarsu kif bħala pajjiż nistgħu nadattaw għal din ir-realtà relattivament ġdida u nsaħħu l-pedament tas-soċjetà tagħna biex tilqa’ għal dawn il-bidliet u tirrimedja l-isfidi li qed niltaqgħu magħhom.

Politika li trid tilħaq dan il-għan, neċessarjament trid tara kif tadatta aħjar għall- popolazzjoni akbar filwaqt li ssaħħaħ il-familja, il-komunità, l-ambjent naturali u tnaqqas id-distakk bejn il-fqir u s-sinjur.

  1. Proposti Soċjali għat-Tisħiħ tal-Familja

1.1 Familja – Parental Leave Itwal

  • Fid-dawl ta’ rata baxxa tal-fertilità u tisħiħ tal-familja, nipproponu titjib fil-policy tal-leave tal-ġenituri. Huwa importanti li l-leave jingħata b’mod li jippermetti li ż-żewġ ġenituri – mhux biss l-omm – ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fl-ewwel fażijiet tal-ħajja tat-tifel jew tifla. Estensjoni tal-leave għall-ġenitur l-ieħor tħeġġeġ aktar qsim tar-responsabbiltajiet, tissaħħaħ ir-relazzjoni fil-familja u jinkisbu riżultati aħjar fl-iżvilupp tat-tfal.

1.2 Familja – Appoġġ Finanzjarju ikbar għal min ikollu tarbija

  • Fl-istess ħin, l-appoġġ finanzjarju għall-ġenituri huwa essenzjali biex jiġu mnaqqsa l-ispejjeż sinifikanti li ġġib magħha t-trobbija tat-tfal. Skont l-istudju tal-MEBDL 2024, familja li għandha tarbija teħtieġ bejn €7,417.75 u €8,227.75 fis-sena. Din is-somma tinkludi spejjeż ta’ darba bħal stroller u crib (€1,838.75), ilbies bażiku (€269), u nefqa fix-xahar bejn €442.50 u €510. Dawn iċ-ċifri juru l-importanza li jiġu żviluppati policies/miżuri li jsaħħu l-appoġġ ekonomiku u soċjali għall-ġenituri li qed irabbu tarbija.

 

Nota: Dawn iż-żewġ miżuri t’hawn fuq weħidhom mhux neċessarjament ibiddlu l-mentalità u l-ftuħ biex familji jkollhom aktar tfal imma flimkien jistgħu jtaffu l-piż fuq il-familji, jippromwovu bilanċ aktar b’saħħtu bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, u jagħtu lill-ġenituri l-kunfidenza li jkabbru l-familja tagħhom. Ma’ dawn hemm bżonn ukoll:

* aktar flessibbiltà fuq ix-xogħol għall-ġenituri li jaħdmu

* Tibdil fil-mentalità favur familji ikbar u kampanji favur il-familja, fost oħrajn.

  1. Proposti għal Servizzi Soċjali Neċessarji

2.1 Persuni bla Saqaf – Servizz Speċjalizzat Low Threshold

  • Fil-każ ta’ persuni bla saqaf bi problemi mentali u ta’ droga li ma jkunux indikati għall-programm ta’ riabilitazzjoni jew għal admission fi sptar ta’ Saħħa Mentali – hemm bżonn li mhux ikun hemm biss infurzar tal-liġi antika li tipprojbixxi ħajja “ta vagabundaġġ” billi dawn il-persuni jiġu arrestati, imma li jiġi żviluppat servizz imsejjaħ – Low thereshold. Dan is-servizz ikun hemm bżonn li jkun mgħammar bi staff ittrenjat apposta u jinkludi wkoll post fejn wieħed jista’ jorqod u jistabbilizza ruħu – Caritas Malta tibqa’ miftuħa għal kull għajnuna li hemm bżonn biex jiġi żviluppat dan is-servizz.

2.2 Familja bi tfal u adolexxenti bi problema serja ta’ mġiba – Servizz Speċjalizzat – Secure Unit

  • Fil-kullana ta’ servizzi soċjali vasti li għandna f’Malta hemm nuqqas ta’ servizz residenzjali magħruf bħala secure unit – għal tfal u żgħażagħ bi problema serja u perikoluża ta’ mġiba. Dan jevità wkoll li adolexxenti b’correctional care order jiġu mdaħħla fi struttura ta’ ħabs flok f’ċentru sigur apposta.
  1. Proposti għall-Bżonnijiet Bażiċi u Aċċess għall-Ikel Bnin

3.1 Benefiċċji f’Forma ta’ Flus Diġitali

  • Caritas Malta ilha tissuġġerixxi li parti mill-benefiċċji soċjali jingħataw f’forma ta’ flus diġitali għall-familji vulnerabbli fejn li tkun tista’ tintuża biex jinxtraw minn dik il-familja għażla ta’ prodotti bażiċi u sustanzjużi.

3.2 Ġardinaġġ Komunitarju u Aċċessibbilità għall-Farmers Market

  • L-ikel hu fost l-iktar prodotti essenzjali li jiġu affetwati mill-għoli tal-ħajja u jibqa’ l-bżonn li dawk bi dħul baxx ikollhom aċċess għall-ikel bnin. Il-promozzjoni tal-ġardinaġġ komunitarju u aktar aċċessibbilità għas-swieq tal-bdiewa b’faċilitajiet għall-anzjani u dawk bi problema ta’ mobilità jistgħu jservu l-aċċessibbilità għall-ikel li hu bnin u li ġeneralment jinxtara bi prezz orħos minn dawn il-postijiet.

3.3 Kontroll fuq il-Ħela ta’ Ikel

  • Tkompli tissaħħaħ il-kampanja Żomm Tarmix minn Malta Food Agency u jiġi stabbilit ċentru biex ikel li jkun se jintrema jinġabar biex jitqassam lill-familji fil-bżonn permezz ta’ entitajiet soċjali. Caritas Malta tibqa’ disponibbli li tassisti f’dawn il-proċessi.

3.4 Healthy Food Prescriptions

  • Jistgħu jingħataw vawċers għall-frott u ħaxix lokali bħala parti mill-kura ħolistika għall-prevenzjoni u l-kura ta’ mard kroniku.

4.Proposti għall-Akkomodazzjoni; Infrastruttura u Ambjent Naturali

4.1 Akkomodazzjoni – Studju dwar Bini ta’ Units Iżgħar

Iċ-Ċensiment tal-2021 (NSO, 2023) juri li madwar 164,140 jew 76.1% tad-djar f’Malta m’għandhomx tfal dipendenti jgħixu fihom, li tfisser żieda sinifikanti meta mqabbla mal-65%, jew id-99,437 dar mingħajr tfal dipendenti, irreġistrata fiċ-ċensiment tal-2011. Fid-dawl ta’ dan qed nipproponu li jsir social impact assessment dwar il-possibbilità ta’ permess għall-bini ta’ units iżgħar b’mod meqjus u

b’mod kontrollat biex jara jekk dan iwassalx għal iktar aċċessibblità u jnaqqas l-iżvilupp żejjed u jekk ikunx possibbli li tiġi evitata iktar spekulazzjoni jekk dan iseħħ.

4.2 Infrastruttura li tilqa’ għaż-żieda fil-popolazzjoni b’rispett lejn l-ambjent

  • Fil-kuntest taż-żieda fil-popolazzjoni tibqa’ prijorità l-investiment fl-infrastruttura pubblika biex tlaħħaq ma’ din iż-żieda. Dan irid isir ukoll dejjem bi ħsieb tal-inqas impatt negattiv fuq l-ambjent u anki b’miżuri li jissalvagwardjaw l-ambjent (teknoloġija effiċċenti fl-enerġija u enerġija rinovabbli; sostenibbiltà ambjentali); jiġu salvagwardjati l-ODZ; kif ukoll tkompli l-enfasi fuq it-tisħiħ ta’ spazji ħodor, kif ukoll l-aċċessibbilità wiesgħa għal dawn l-ispazji għal kulħadd.

4.3 Dipendenza fuq il-Karozza

  • Huwa essenzjali li jinstabu soluzzjonijiet biex tonqos id-dipendenza fuq il-karozzi minħabba konġestjoni u saħħa. Filwaqt li dan mhux qasam ta’ expertise ta’ Caritas Malta, naraw li saru numru ta’ azzjonijiet li jippruvaw jinċentivaw jew jippromwovu mezzi alternattivi. Jidher li hemm bżonn ukoll ta’ interventi li joħolqu diżinċentiv għall-użu tal-karozza.

4.4 Turiżmu Sostenibbli

  • Għalkemm it-turiżmu huwa wieħed mill-pilastri tal-ekonomija ta’ pajjiżna, dan m’ għandux ikun ta’ detriment għas-saħħa fiżika u mentali tal-komunità. Jinħtieġ infurzar fuq standards ta’ akkomodazzjoni biex jiġu evitati sitwazzjonijiet prekarji.
  1. Proposti għall-Kontabbilità, Infurzar u Xogħol

5.1 Tisħiħ tal-Infurzar

Tisħiħ tal-MCCAA (Malta Competition and Consumer Affair Authority), ERA (Environment and Resources Authority) u awtoritajiet oħra biex jiġġieldu abbużi u mentalità ta’ xejn mhu xejn. Kull abbużż ta’ ħaddiema, prezzijiet, ambjent, bejgħ ta’ prodotti illegali (inklużi prodotti bi droga sintetika fihom li jinstabu fuq l-ixkafef ta’ ċertu ħwienet) huma ta’ sfreġju għall-ġustizzja soċjali

5.2 Protezzjoni ta’ Ħaddiema Barranin mill-Abbuż

5.3 Inċentivi lil Negozji B’ISO2600 Certification

  • Faċilitazzjoni ta’ permessi tax-xogħol għall-migranti biex jikkontribwixxu legalment; li jiġu protetti mill-isfruttar, u tisħiħ ta’ strutturi li jgħinu fl-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà Maltija.
  • Inċentivi lin-negozji li jadottaw mudell ekonomiku soċjali bbażat fuq il-primat tal-persuna, fuq il-profit u li jkollhom l-ambjent fiċ-ċentru tal-investimenti tagħhom. Dawn l-inċentivi jistgħu jinkludu inċentivi fiskali kif ukoll iktar punti fl-għoti tal-kuntratti tal-Gvern (public procurement).

Konklużjoni

Caritas Malta temmen li l-baġit għandu jkun strument biex jippromwovi ġustizzja soċjali, sostenibbiltà u Governanza tajba. Il-proposti preżentati f’dan id-dokument huma 15-il proposta f’direzzjoni biex Malta tkun pajjiż dejjem aktar ġust, inklusiv u b’saħħtu għal kulħadd.