Riflessjonijiet ta’ Caritas Malta qabel il-Baġit 2024

Fl-isfond li qedgħin ftit ġranet ’il bogħod mill-baġit, Caritas Malta tixtieq tesprimi l-aspirazzjonijiet tagħha għat-tisħiħ soċjali u ekonomiku u tagħti sommarju ta’ proposti u riflessjonijiet li ġew ippreżentati matul din l-aħħar sena f’fora differenti mal-Awtoritajiet konċernati, Korpi
Kostitwiti u s-Soċjetà Ċivili.

F’Malta qed ngħixu f’sistema ekonomika bbażata fuq is-suq liberu immirat li jiġġenera profitt dejjem akbar minn sena għall-oħra bil-periklu li l-ġid individwali jiġi qabel il-Ġid Komuni. F’dan l-aħħar snin Malta rat tkabbir ekonomiku mgħaġġel li għen biex negħlbu d-diffikultajiet kreati mill-Covid-19 u l-instabbilità tal-Gwerra tal-Ukrajna, imma li fl-istess ħin kellu impatt negattiv fuq id-distakk bejn is[1]sinjur u l-fqir, l-ambjent naturali, is-saħħa mentali u ż-żieda eċċessiva tal-popolazzjoni bil-konsegwenzi kollha tagħha. Dan irriżulta wkoll fil-ħolqien ta’ klassi ġdida, dik li qed tiġi msejħa bħala l-istretched class1 (1 Dik il-klassi ta’ individwi li ma jikkwalifikawx għall-diversi benefiċċji soċjali minħabba d-dħul tagħhom iżda li xorta waħda qed ibatu minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq attwali.)

Fid-dominju pubbliku kif ukoll minn persuni li jfittxu għajnuna soċjali tinstama’ l-karba ta’ bżonn ta’ bidla tas-sistema ekonomika minn dik iddominata minn regħba għal waħda fejn tassew tpoġġi fiċ-ċentru lill-bniedem u l-Ġid Komuni.

Caritas Malta tara li mudell ekonomiku soċjali għandu jagħti prijorità lil dawn it-tliet aspetti prinċipali:

  1. tnaqqis tad-distakk bejn il-fqir u s-sinjur
  2. ambjent soċjali li jippromwovi t-tisħiħ tal-familja u l-komunità, l-ambjent naturali u s-saħħa fiżika u mentali
  3. Governanza għaqlija li tippromwovi kontabbilità, ekwità, effiċċenza, u sostennibbiltà

Tnaqqis tad-distakk bejn il-fqir u s-sinjur:

Tnaqqis tad-differenzi bejn is-sinjuri u l-foqra u s-sigurtà ta’ għajxien diċenti għal kull kategorija, inkluż dik imsejħa l-istretched class. Riċerka kollha tindika li ikbar ma jkun dan id-distakk iktar tikber id-diżordni soċjali. L-Eradikazzjoni tal-faqar u tnaqqis ta’ dan id-distakk imorru id f’id.

  • Is-sigurtà ta’ akkomodazzjoni affordabbli għall-familji bi dħul baxx u medju.
  • Ikun hemm inċentivi fl-industrija biex in-negozji jimxu iktar fuq il-mudell ekonomiku mibni fuq is-suq soċjali. Tingħata prijorità lill-prinċipji tal-persuna bid-dinjità kollha tagħha, kif ukoll l-iskop soċjali u ambjentali fuq il-profitt. Nimmotivaw permezz ta’ inċentivi lin-negozji biex jaddottaw dan il-mudell. Biex jintlaħaq dan il-għan, nipproponu li jsir assessjar tal-kumpaniji biex jiġi stabbilit jekk hux qed isegwu standards2 (2 Eżempju ISO26000) li jaqblu ma’ prinċipji tal-mudell ekonomiku soċjali. Negozji li  jkunu qed jaddottaw dan il-mudell (minkejja li mhux b’infurzar) jingħataw ċertifikat li jindika mal-pubbliku li dawn in-negozji qed jilħqu l-istandards neċessarji biex b’hekk iċ-ċittadin ikun imħeġġeġ jagħżel b’mod għaqli minn fejn jixtri s-servizzi u l-prodotti tiegħu. L-istess  kumpaniji jingħataw prijorità fejn jidħlu tenders u inċentivi oħra mill-Istat.
  • Ninċentivaw lil min iħaddem biex jinvesti fil-persuni, fil-kapaċitajiet u l-kreattività tagħhom. Xieraq li l-profitti jagħtu s-setgħa lin-nies, joħolqu impjiegi ta’ kwalità, jipprovdu taħriġ u n-nies jaċċessaw suq ta’ xogħol adegwat.
  • Tkompli tissaħħaħ is-sistema tal-COLA (Cost of Living Adjustment) li ġiet introdotta s-sena l-oħra, għall-gruppi vulnerabbli u bi dħul baxx. Jiġi rivedut il-mekkaniżmu ta’ kif jinħadem l-RPI (Retail Price Index) għall-gruppi vulnerabbli biex ikun hemm weightings differenti għal dawn il-gruppi meta tinħadem il-COLA għalihom. Skont il-basket bażiku (MEBDL 2020) 50% ta’ dan il-basket huma prodotti tal-ikel. L-ikel jibqa’ fost l-iktar kategoriji ta’ prodotti li għandhom rata għolja ta’ inflazzjoni għal dawk f’riskju ta’ faqar jew diġà foqra.
  • Nipproponu ekwità fit-taxxa biex kull min għandu dħul ikbar jew profitti ikbar jikkontribwixxi aktar. Din tirrikjedi iktar onestà u trasparenza fid-dikjarazzjonijiet tad-dħul.
  • Benefiċċji f’forma ta’ flus diġitali għal dawk li għandhom dħul baxx. Hekk kif is-soċjetà timxi ’l quddiem fil-progress, hemm oħrajn li jaqgħu lura, filwaqt li ma jkollhomx aċċess għall-għodod finanzjarji li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom. Flus diġitali immirati direttament lejn dan is-settur issa jinsab fuq l-aġenda għal bosta Banek Ċentrali madwar id-dinja. Malta u pajjiżi oħra iżgħarjistgħu jkunu minn ta’ quddiem f’dan billi jibnu proposta għall-flus kontanti diġitali immuntati fuq smartphones jew cards biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċjali tas-settur tagħha bħall-inizjattiva implimentata ta’ digital wallet bi skema ta’ vawċers.
  • Jiġi mwaqqaf Istitut ta’ Riċerka Nazzjonali fuq il-faqar u l-Ġustizzja Soċjali u jsiru diversi studji dwar reference budgets għal diversi tipi ta’ familji, partikolarment dawk li għandhom dħul baxx u huma l-aktar f’riskju ta’ faqar.

Ambjent soċjali li jippromwovi t-tisħiħ tal-familja u l-komunità, l-ambjent naturali u s-saħħa fiżika u mentali u l-kwalità tal-ħajja.

  • Ambjent soċjali li jippromwovi s-saħħa fiżika u mentali jwassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar filwaqt li jnaqqas l-ispiża biex tikkura l-mard.
  • Nippromwovu aktar l-attività fiżika billi nkomplu ninvestu fil-faċilitajiet sportivi,
    ninkoraġġixxu l-mixi u ċ-ċikliżmu bil-għan li jitnaqqas it-traffiku u tniġġiż tal-arja.
  • Ikun ikkunsidrat issussidjar ta’ ikel san bħal ħaxix u frott lokali; dan biex jgħin lill-poplu Malti jiekol iktar bnin u jimmotivah jixtri aktar dawn il-prodotti. Barra minn hekk, il-bdiewa Maltin isalvaw il-prodott lokali tagħhom.
  • Nippromwovu l-ġardinaġġ komunali li joffri rqajja’ għan-nies biex ikabbru l-ħxejjex
    tagħhom.
    Trasport b’xejn għall-farmers market speċjalment għall-anzjani u persuni vulnerabbli.
  • Jingħataw inċentivi lill-koppji, familji u individwi żgħażagħ li jixtru l-proprjetà tagħhom viċin dik tal-ġenituri tagħhom bil-għan li jinkoraġġixxi l-appoġġ lil xulxin, u li l-anzjani jgħixu iktar fil-tul fl-ambjent tagħhom flok fi djar tal-anzjani. Hu magħruf li dan iwassal għal titjib fis-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna.
    • L-indirizzar tal-abbuż tal-iffullar fl-appartamenti li qed iħalli lill-individwi b’għażliet prekarji fosthom problemi sanitarji. Dan jista’ jiġi indirizzat billi jkun hemm infurzar fuq l-istandards li diġà stabbiliti għall-propjetarji li jikru dawn il-postijiet residenzjali.
    • Soċjetà aktar b’saħħitha hija waħda li hija impenjata b’mod attiv fil-volontarjat. Għalhekk l-appoġġ lill-NGOs huwa kruċjali biex jiġi promoss il-volontarjat li huwa assoċjat ma’ saħħa mentali sana.
    • Għall-immigranti jinħass bżonn urġenti ta’ tisħiħ tal-programmi ta’ integrazzjoni fis-soċjetà Maltija inkluż tagħlim tal-Malti u l-Ingliż, tagħlim dwar il-kultura u inizjattivi oħra biex tgħin lil dawn il-persuni jkunu iktar integrati fil-komunitajiet tagħna filwaqt li jkunu mħeġġa jesprimu d-diversità li jġibu magħhom.

Governanza b’saħħitha li tippromwovi kontabbilità, ekwità, effiċċenza u sostenibbiltà:

  • Governanza tajba, aktar robusta. Il-prijoritizzazzjoni ta’ Governanza tajba għar-responsabbiltà u l-effiċċenza fi ħdan is-servizzi tal-Gvern hija kruċjali. Dan itejjeb il-produttività u jevita l-ħela tar-riżorsi umani u finanzjarji.
  • L-awtoritajiet jeħtieġ li jippromwovu l-kontabbilità, etika tax-xogħol li jpoġġi lill-persuna qabel il-profitt, kif ukoll jippromwovu l-kwalità f’dak kollu li nagħmlu bħala Nazzjon filwaqt li jiġġieldu l-ħela, it-traskuraġni, it-telqa u l-free for all.
    Tiġi msaħħa l-Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA) permezz ta’ tribunal apposta li jħaffef il-proċess biex  jikkontrolla abbużi li jwasslu għall-ogħli inġust tal-prezzijiet, minflok mal-MCCAA ikollha tmur il-qorti bl-ilmenti tagħha fejn issib abbuż.
  • Bl-istess mod l-ERA u Awtoritajiet oħra jissaħħu u jingħataw iktar snien.
  • Il-Gvern għandu jinvesti aktar riżorsi biex jattira negozji li huma aktar sostenibbli. Bħalissa s-setturi tat-turiżmu u tal-kostruzzjoni mibnija fuq cheap labour huma fost l-akbar setturi f’Malta b’tendenza li joħolqu skumdità soċjali u detriment ambjentali. Minflok hemm bżonn iktar investiment f’vertical specialisation – nattiraw u ninvestu f’industriji speċjalizzati li joffru pagi aħjar ibbażati fuq il-kwalità flok il-kwantità. Dan jirrikjedi li l-pajjiż ikun ippreparat b’ammont sostanzjali ta’ ħaddiema speċjalizzati fis-suġġett partikolari.
  • Għall-immigranti li jinsabu f’qagħda prekarja u li huma f’pożizzjoni li jaħdmu u jikkontribbwixxu għall-ekonomija, tiġi mnaqqsa l-burokrazija biex dawn jingħataw permess ta’ xogħol adegwat biex ikunu jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol b’mod legali. Dan speċjalment fid-dawl ta’ nuqqasijiet ta’ ħaddiema f’diversi setturi u l-abbuż sfaċċat li qed isir minn dawn il-persuni.
  • Jiġi miġġieled bis-saħħa l-abbuż u l-prekarjat li fih jaħdmu bosta Third Country Nationals li huma vulnerabbli ħafna għall-isfruttar.