REAZZJONI CARITAS MALTA WHITE PAPER – ĠUSTIZZJA AKTAR EFFETTIVA MAL-VITTMI TAD-DROGA

Caritas Malta ssottomettiet formalment il-veduti u l-opinjoni tagħha dwar il-White Paper. Din l-istqarrija tikkomunika l-punti ewlenin tal-Feedback li tat nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Frar.
L-opinjoni tinkludi l-veduti ta’ madwar 45 resident li bħalissa qed jagħmlu programm residenzjali ta’ riabilitazzjoni ma’ Caritas Malta, klijenti li għamlu użu mis-servizzi ta’ Caritas, u l-veduti tal-istaff ta’ Caritas Malta li jaħdmu kemm fil-qasam tar-riabilitazzjoni kif ukoll tal-prevenzjoni.

Caritas Malta tilqa’ l-proposti elenkanti fil-White Paper li għandhom il-potenzjal li jiffavorixxu r-riabilitazzjoni ta’ persuni li huma dipendenti fuq id-droga u li jsarrfu f’iktar ġustizzja soċjali, imma ma taqbilx mal-proposta tal-ammonti indikati biex wieħed ikun eliġibbli għad-Drug Offenders Rehabilitation Board.

Pożittiv:

It-Tisħiħ tad-Drug Offenders Rehabiitation Board; l-għoti tar-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Bord tar-riabilitazzjoni; il-komunika tad-deċiżjoni tal-Bord lill-qrati l-oħra; il-ħniena li tintwera għal min hu dipedenti fuq id-droga u nqabad b’pussess sempliċi ta’ droga fil-ħabs; u l-possibiltà ta’ proċess fil-qrati kriminali mingħajr ġurati – jistgħu jsaħħu l-liġi dwar ir-riabilitazzjoni implimentata fl-2015.

Tħassib Serju:

Sentiment qawwi komuni tal-klijenti hu li filwaqt li xi każi jistgħu jibbenefikaw minn dan l-aġġustament, dawn iż-żidiet jistgħu jkollhom dawn l-effettivi negattivi u mhux intenzjonati (Inadvertant Effects):

1. Tiffaċilita iktar pushing b’ammonti ikbar
2. Tagħti messaġġ ħażin lis-soċjetà li tista’ tittraffika u ssib loop holes minn fejn tiżgiċċa
3. Tnaqqas il-biża’ tal-ħabs
4. Tħajjar nies iktar għat-traffikar
5. Tiżdied il-firxa tad-droga u l-vjolenza marbuta magħha

Marbuta ma’ dawn ir-riskji ssemmew ħames xenarji:

1. Li l-‘addict’ ma jkollux dawk il-kwantitajiet hekk kif suġġerit. Tajjeb insemmu li 200 gramma kokaina jaf ikollha valur ta’ €20,000. Jekk tkun addict u jkollok 100g jew 200g se jkollok kilba kbira li tikkunsmahom. Persuna stqarret li dealer tiegħu ħajru biex jibda jservi ta’ ‘runner’ meta dan il-klijent kien spiċċa totalment addicted. F’dan il-mument id-dealer tiegħu stiednu jbigħ 5 grammi f’pakketti individwali u offrielu li għal kull gramma bi prezz ta’ €50 li kien iqassam jew ibigħ, id-dealer kien itih €10. Dealers jafu li lill-addict d-droga ħa tilgħablu ma’ moħħu u jistgħu jispiċċaw jużaw kulma jkollhom. Ma jafdawhomx malajr b’ammonti kbar.

2. Barra minn hekk jafu traffickers/pushers li huma users (eż: jużaw il-kokaina b’mod limitat) imma mhumiex addicts. Difficli tkun addict u trafficker/pusher għax ma tkunx tista’ tiffunzjona biex iżżomm il-business tad-droga għaddej. Residenti semmewlna pushers li meta nqabdu, ħadu l-kokaina biex f’għajnejn il-liġi jidhru li huma users.

3. Filwaqt li min ikun addicted diffiċli jiġi fdat b’ammonti kbar, hu veru li wħud ikunu servew ta’ couriers eżempju wieħed semma li għal €50 qassam pakkett ta’ 20 gramma kokaina; fuq in-naħa l-oħra ieħor tħallas €800 biex iqassam konsenja kbira ta’ kilos ta’ droga. Min hu addict jirriskja ħajtu għall-flus. Ieħor qalilna li “aħna nsiru qoħob tat-traffikant”. Jekk addict b’200 gramma jista’ jmur drug court – traffikant u addict jirraġuna li jekk addict jitħallas biex jittrasporta 200 gramma – f’din iċ-ċirkustanza tagħmilha iktar ‘safe’ li tittrasporta 200 gramma jekk inti addict għax jekk tinqabad tista’ tipprova taqleb il-każ għad-drug court. Issa jekk l-addict jinqabad b’200 gramma, b’din il-proposta ħa jsib iktar ħniena, imma fl-istess ħin bla intenzjonat tista’ tiffaċilita u żżid l-ammonti fl-attività tat-traffikar. Residenti li huma addicts u jitħallsu biex jittrasportaw id-droga minn post għall-ieħor qalulna li huma jibżgħu mill-pushers u ħafna drabi fl-ammonti l-kbar ma jikxfux għax jibżgħu għalihom u għal familthom.

4. F’Malta hawn realtà li f’għajnejn min imiss mad-droga tidher li qed tikber u anke ssir ‘moda’ – realtà ta’ persuni li jbigħu d-droga bħala negozju żgħir jew medju. Ħajja li tinkludi lifestyle ta’ karozzi lussużi u ħwejjeġ tad-ditta. Din it-tip ta’ ħajja tista’ tkun ta’ tentazzjoni għal uħud. Klijent qalilna, li qabel ġie addicted, beda jbigħ id-droga biex jagħmel il-flus. Residenti across the board qalulna li bla mistenni din iż-żieda fl-ammonti jaf tħajjar iktar nies għat-traffikar. Persuna qaltilna “jien qatt ma traffikajt għax dejjem nibża’ mill-ħabs imma din iż-żieda jaf tagħti messaġġ li tagħmilha iktar tappella li tibda tbigħ jew tissogra iktar.” Ieħor qalilna “qed iħeġġek biex tarma!”. Ir-residenti tkellmu dwar kif il-biża’ tal-ħabs jew saħansitra sentenza ta’ ħabs tiswiehom ta’ motivazzjoni kbira biex jidħlu għar-riabilitazzjoni u jekk titneħħa din il-biża’ wieħed jista’ jissogra iżjed u jkun motivat inqas li jinbidel.

5. B’mod ġenerali tkellmu fuq il-kruha u l-isfreġju tad-dinja tad-droga u traffikar, fejn traffikanti jippruvaw jużaw mezzi finanzjarji kbar anki fi ħlasijiet lill-avukati biex jippruvaw jiżgiċċaw mill-ġustizzja, filwaqt li l-addicts bla mezzi jispiċċaw ilaqtu ħafna ħabs. Għandhom biża’ li jsir ħafna abbuż jekk jiżdiedu l-ammonti u tikber il-kultura tad-droga u l-istess l-vjolenza marbuta mad-dinja tad-droga u traffikar. Addirittura min ilu involut f’din id-dinja jibża’ li tiġbed anke l-attenzjoni taċ-ċrieki tad-droga minn pajjiżi li diġà għandhom preżenza f’Malta u tattira iktar minnhom.

Problematika:

Minn banda li żżid l-ammonti se jkun ta’ periklu li l-addict jiġi iktar sfruttat u użat u kif spjegat hawn fuq tagħti lok għall-abbuż; imma min-naħa l-oħra għandek persuni li jkollhom iktar mill-ammonti stabbiliti s’issa, li ma tkunx qed issir ġustizzja magħhom u mas-soċjetà li jħallsu bil-ħabs. Eżempju ta’ dan min hu addict li jittqabbad jittrasporta d-droga għat-traffikant biex jaqla’ xi ħaġa biex isostni l-addiction, u meta jinqabad ikun hemm ħafna biża’ u jispiċċa ma jitkellimx u jeħel il-ħabs bl-iskotti.
Żgur li kull min jaħdem f’dan is-settur jaqbel li, persuni li huma addicts u li għandhom sentenzi ta’ traffikar, li huma anke iktar mill-ammonti stabiliti jew proposti; u li jkunu rriabilitaw ruħhom, m’għandhomx jidħlu l-ħabs fuq każi pendenti.