MIGUEL MIFSUD – THE SOBER RUNNER – 100KM GIVING BACK RUN Nhar il-Ħadd li ġej – b’risq Caritas Malta

Miguel Mifsud nhar il-Ħadd li ġej, 7 ta’ April, se jagħmel ġirja ta’ 100KM madwar il-kosta ta’ Malta. F’dawn il-ġranet qiegħed fl-aħħar tħejjijiet għal din il-ħolma u xewqa kbira tiegħu, b’għan altruwistiku b’risq Caritas Malta bħala ġest biex jagħti lura lin-nies fil-bżonn li huma mgħejjuna minn din l-organizzazzjoni. Fil-passat Miguel għamel żmien ta’ riabilitazzjoni fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas biex jikseb ħajtu lura minn dipendenza ta’ numru ta’ snin fuq sustanzi.

Miguel, minn ħajja sedentarja u ta’ obeżità, illum huwa persuna dixxiplinat u mħarreġ għal din il-ġirja ta’ 100km li ilu jipprepara għaliha madwar sena biss, żmien qasir immens ħdejn normalment numru ta’ snin li wieħed irid biex ikun kapaċi jagħmel distanza daqsekk twila.

Minbarra ġbir ta’ fondi b’risq Caritas Malta, Miguel qed jagħmel ukoll kampanja b’kuxjenza favur ħajja sana ’l bogħod mid-droga. Permezz ta’ intervisti fil-media lokali u anki laqgħat ta’ prevenzjoni li kellu maż-żgħażagħ, il-messaġġ tiegħu dejjem kien wieħed ċar, li l-ħajja trid tgħożża u tapprezza dak li għandek b’mod sempliċi. L-isports u dawn ix-xorta ta’ dixxiplini jgħinu  persuna jżżomm saħħa mentali sana ’l bogħod mid-dipendenza fuq sustanzi.

Ir-rotta kif indikat fil-mappa, se jkollha t-tluq fl-04 ta’ filgħodu minn ħdejn il-kappella ta’ Ħad-Dingli fejn minn hemm jgħaddi mill-Imġarr, Għajn Tuffieħa, Xemxija u mal-kumplament tal-kosta ta’ Malta sakemm jasal fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas madwar 11 jew 12-il siegħa wara għal ħabta ta’ bejn it-tlieta u l-erbgħa ta’ waranofsinhar.

Matul il-100km, Miguel se jkollu xi waqfiet f’pitstops fejn l-ewwel waħda se tkun għal xis-0615 ta’ filgħodu ħdejn in-National Aquarium ta’ San Pawl il-Baħar, it-tieni waħda għal xit-0800 ta’ filgħodu ħdejn il-Black Pearl ta’ Ta’ Xbiex, it-tielet waqfa wara xi 54KM għal xid-0930 ta’ filgħodu il-Ponta tal-Isla u r-raba’ waqfa wara 80KM għal xis-0115 ta’ waranofsinhar ħdejn il-wasteserv ta’ Ħal Far fejn minn hemm jagħmel l-aħħar 20km għaċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas fejn mistenni li jkun milqugħ minn familjari, staff, residenti u voluntiera ta’ Caritas Malta.

F’dawn l-indikati waqfiet wieħed jista’ jiltaqa’ ma’ Miguel, jagħti donazzjoni u anki jagħżel li jagħmel parti mill-ġirja miegħu, oħrajn jistgħu jkunu f’dawn il-pitstops biex ikomplu jħeġġuh f’din il-ġirja, u anki jagħtu d-donazzjoni tagħhom.

It-team tal-Media ta’ Caritas Malta se jkun qed jagħti aġġornamenti live mill-04 ta’ filgħodu permezz tal-paġna Caritas Malta tal-facebook biex wieħed ikun jista’ jsegwi dak li jkun għaddej matul il-jum u anki jagħżel fejn jista’ jiltaqa’ ma’ Miguel Mifsud.

Donazzjoni tista’ ssir permezz tal-BOV mobile app permezz tan-numru 77414123

jew permezz ta’ Revolut fuq 77070801, jew f’kont li nfetaħ apposta ta’ BOV bl-isem Giving Back Run fuq IBAN: MT60VALL22013000000050020756300

Caritas Malta tawgura lil Miguel Mifsud kull suċċess għal din il-ġirja u turi apprezzament għal dan il-ġest tant nobbli li qed iwettaq fejn permezz tal-fondi miġbura, ikompli jsir ħafna iktar ġid ma’ dawk l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà Maltija.