Caritas Malta ħabbret dettalji ta’ ġirja ta’ 100km bħala 3rd party event li se ssir b’risq din l-organizzazzjoni. F’dawn l-aħħar xhur Caritas Malta minbarra l-attivitajiet ta’ fundraising li torganizza, tħeġġeġ wkoll individwi jew kumpaniji jorganizzaw xi attività b’risq Caritas Malta li tagħti s-servizzi tagħha kollha bla ħlas fis-soċjetà.
Fis-7 ta’ April 2024, Miguel Mifsud, fl-età ta’ 44 sena, se jkun qed jagħmel ġirja ta’ 100km madwar il-kosta ta’ Malta fejn se jibda fl-04 ta’ filgħodu minn ħdejn il-kappella ta’ Ħad-Dingli, jgħaddi mill-Imġarr, Għajn Tuffieħa, Xemxija u mal-kumplament tal-kosta ta’ Malta sakemm jasal fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas. Fil-passat Miguel għamel żmien ta’ riabilitazzjoni f’dan iċ-Ċentru Terapewtiku biex jikseb ħajtu lura minn dipendenza ta’ numru ta’ snin fuq id-droga.
“Mill-mewt għall-ħajja – hekk niddiskrivi l-ħajja tiegħi, u dan grazzi lil Caritas li dejjem kienet lesta tilqagħni u tgħini bil-bieb miftuħ beraħ. Jien kont tlift kollox u llum grazzi għal min jemmen fija, speċjalment il-mara li dejjem kienet hemm għalija u t-tfal, għandi l-opportunità li nagħti lura lil Caritas Malta li tant irċevejt mingħandha. Permezz ta’ din il-ġirja rrid nuri kemm hu importanti l-isports għax jagħmlek persuna li tikkommetti b’mod pożittiv, dixxiplina fuqek innifsek u wkoll determinazzjoni ta’ fejn trid tasal” temm jgħid Miguel Mifsud filwaqt li rringrazzja ħafna lil Fabio Spiteri ta’ Team Fabio, fejn bħala kowċ tiegħu se jwasslu biex jagħmel din il-ġirja ta’ 100km.
Fabio Spiteri spjega li meta resaq għandu Miguel b’din il-ħolma, ra quddiemu persuna determinata: “u huwa dak li persuna għandu bżonn biex jasal – ħolma u determinazzjoni fejn trid tmur, mill-bqija jien inkun nista’ nwassal lil dik il-persuna fejn tixtieq tasal u proprju dak li għamilt ma’ Miguel f’dawn l-aħħar xhur” temm jgħid Fabio Spiteri filwaqt li anki ħeġġeġ oħrajn li jixtiequ jibdew f’din id-dixxiplina u li qatt ma kellhom esperjenza.
Anthony Gatt, id-Direttur ta’ Caritas Malta rringrazzja lil Miguel Mifsud u lil Fabio Spiteri u ddeskriviehom bħala role models. Wera apprezzament għal dan il-ġest tant nobbli fejn dan mhuwiex biss skop ta’ ġbir ta’ fondi imma hija rebħa ta’ persuna fuq id-droga. “Kieku Caritas kienet hemm għal Miguel biss ukoll biżżejjed li tarah jgħix il-ħajja tiegħu to the full, imma huma ħafna li Caritas takkompanja fl-iktar żmenijiet diffiċli ta’ ħajjithom u bid-determinazzjoni tagħhom jaslu fejn wasal Miguel. Miguel għadda minn storja ta’ ħafna tbatija imma llum jiċċelebra l-ħajja sabiħa u pożittiva tiegħu” temm jgħid id-Direttur ta’ Caritas Malta u anki ħeġġeġ persuni oħra li jistgħu jingħaqdu ma’ Miguel fis-7 ta’ April fil-ġirja tiegħu u jiġru xi kilometri bħala sapport miegħu billi jsegwu Garmin live u jkunu jafu fejn wasal Miguel.
Wieħed jista’ jagħti donazzjonijiet f’kont li nfetaħ apposta ta’ BOV bl-isem Giving Back Run fuq IBAN: MT60VALL22013000000050020756300