Ilqa’ u ħaddan

Sit  Ilqa’ u ħaddan

 

Fil-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu, ħafna drabi qed nintilfu f’ħafna sigħat twal ta’ xogħol li mhux qed iħalli spazji biex inqattgħu ħin ta’ kwalità mal-familja u l-ħbieb. Iktar u iktar dan huwa fattur li mhux qed iħalli ħin għall-persuna biex tidħol ftit fiha nnifisha u ssib dak is-skiet li tant huwa importanti biex jagħti s-saħħa sana li għandha bżonn.

F’dawn ir-realtajiet ta’ kuljum, jista’ wkoll inkunu insensittivi għal dak li qed jiġri madwarna, għaI sitwazzjonijiet li jaf għaddejja minnhom ġirien tagħna.

Kemm hu importanti li ngħinu lil ħutna fil-bżonn?

Ilqa’ u ħaddan hija kampanja mnedija mill-ħidma tad-Djakonija fil-parroċċi Maltin li hija kkoordinata mid-Djakonija Unit fi ħdan Caritas Malta.

Din il-kampanja qed tagħmel stedina ta’ riflessjoni ta’ kif nistgħu nkunu sostenn għal xulxin meta nsibu ruħna fil-bżonn.

Permezz tas-sit ilqauhaddan.knisja.mt wieħed jista’ jsib ħin komdu biex jieqaf u jiġi fis-skiet jirrifletti. Permezz ta’ video clips u personaġġi varji mill-istorja tal-passjoni naraw kif dawn ukoll nistgħu napplikaw dak li għaddew minnu magħna.

Dawn ir-riflessjonijiet li huma wkoll ideali f’dawn il-ġranet tar-randan, huma ispirati mill-kliem tal-Papa Franġisku, u juruna kif meta ngħaddu mit-tbatija, nistgħu nifhmu aħjar u allura nkunu nistgħu nagħmlu xi ħaġa dwarha.

Il-parroċċi Maltin flimkien ma’ Caritas social work unit, St Jeanne Antide Foundation, il-Millenium Chapel, is-Segretarjat Assistenza Soċjali, il-Fondazzjoni Sebħ u l-Paolo Frere Institute, jaħdmu id f’id biex isostnu ’l fuq minn 1000 familja fil-bżonn fil-komunitajiet tagħna.

Dawn l-għajnuniet jingħataw permezz ta’ ikel misjur għal min mhux f’pożizzjoni li jsajjar għalih inniffsu, xirjiet, xiri ta’ mediċini imma fuq kollox sostenn soċjali, ħin ta’ akkompanjament bi professjonisti u voluntiera li jagħtu ħinhom biex jisimgħu u jagħmlu żgur li ħadd ma jħossu minsi jew bla sostenn.

 

Il-kampanja ilqa’ u ħaddan tistiednek tgħin kif ġej:

  • Taqsam l-esperjenza tiegħek jekk int diġà involut/a f’ħidma soċjali, forsi tieħu ħsieb lil xi ħadd qarib, jew anki għamilt għażla professjonali biex tgħix ħajja ta’ servizz. L-esperjenza li taqsam magħna se tgħin lill-ħaddieħor jisma’ xi tħallilek f’qalbek u kif qed tagħti sens lill-ħajja tiegħek. (Qatt ma niddentifikaw persuna mingħajr il-kunsens bil-miktub tagħha). Għamel kuntatt magħna billi tibgħat messaġġ fuq Whatsapp miktub, jew voice message fuq 99251820
  • Jekk int tixtieq tagħmel ftit sigħat ta’ esperjenza volontarja mal-ħidma tad-djakonija bejn issa u tmiem is-sajf li ġej fil-parroċċi – ħidma ta’ servizz lejn ħutna fil-bżonn. Tista’ tapplika fuq https://djakonija.org/volunteer-application-form/ jew tikkuntattjana fuq facebook messenger ta LOOP MALTA.

 

Tista’ wkoll tattendi għal xi laqgħat li qed isiru fil-parroċċi madwar malta, żur is-sit għal iktar informazzjoni – https://ilqauhaddan.knisja.mt/laqghat/