Il-firxa tal-HHC – Kannabis Semi-Sintetika f’Malta

Caritas Malta, Fondazzjoni OASI, l-Assoċjazjoni għall-Iskejjel tal-Knisja u s-Segreterjat għall-Edukazzjoni Nisranija qed jiirakkomandaw li jiġi projbit il-bejgħ tal-prodotti HHC fil-gżejjer Maltin.

Sfond

Bil-liġi għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, rajna l-bidu u tkattir ta’ numru ta’ ħwienet li jbigħu prodotti tal-Kannabis b’kontentut baxx ta’ THC (l-ingredjent attiv li jipproduċi ewforija fil-kannabis), żerriegħa tal-kannabis u tagħmir relatat mal-użu tal-kannabis. Barra minn hekk, qed jinbiegħu prodotti tal-Kannabis b’persentaġġ baxx ta’ THC fi ħwienet onlajn kif ukoll minn ħwienet bħal tal-merċa, mini-markets, stationers, ‘corner stores’. Dawn il-prodotti qed jinbiegħu u ppubbliċizzati fil-miftuħ anke viċin ta’ skejjel u ċentri sportivi.

Caritas Malta,  Fondazzjoni OASI, l-Assoċjazjoni għall-Iskejjel tal-Knisja u s-Segreterjat għall-Edukazzjoni Nisranija jemmnu li  t-tkattir tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti kkontribwixxa għal normalizzazzjoni tal-użu tal-kannabis u ppermettew aċċess faċli għal dawn il-prodotti għat-tfal u ż-żgħażagħ.

Barra minn hekk, fix-xhur li għaddew osservajna wkoll li qed jinbiegħu prodotti HHC fi ħwienet lokali.

HHC

HHC hija sustanza psikoattiva ġdida li dehret fis-suq tad-droga fl-2021. Din hija l-ewwel cannabinoid semi-sintetika rrapportata fl-Ewropa. Din qed tiġi mmonitorjata bħala NPS (Sustanza Psikoattiva Ġdida) mill-European Monitoring Centre for Drug and Drug Addictions.

Il-prodotti jiġu f’diversi forom u daqsijiet u f’pakketti attraenti ħafna u kkuluriti. Huma qed jinbiegħu bħala joints irrumblati lesti, vapes u e-likwidu, żjut HHC, ħelu, ġuġu, cookies, marshmallows u fjuri tal-kannabis. Lokalment l-HHC qed tinbiegħ fil-miftuħ f’Malta u reklamata bħala sostitut għall-prodotti THC tal-Kannabis u tidher li għandha effetti simili. F’dawn il-prodotti l-HHC tkun tammonta għal 30%, 45%, u iktar.

Bħat-THC, li huwa ingredjent kimiku misjub fil-pjanta tal-kannabis, HHC hija ingredjent psikoattiv, li jfisser li meta persuna tikkonsmaha, l-istat tal-moħħ jiġi alterat. Filwaqt li HHC hija kkonsmata bil-għan li l-persuna tfittex li tesperjenza ewforija (stat ewforiku) HHC tista’ potenzjalment twassal għall-esperjenzi bħal attakki ta’ paniku, alluċinazzjonijiet, attakki psikotiċi, paranojja, konfużjoni, uġigħ fiżiku, palpitazzjonijiet severi tal-qalb, aċċessjonijiet, u sintomi oħra ta’ dwejjaq.

Caritas Malta, Fondazzjoni OASI, l-Assoċjazjoni għall-Iskejjel tal-Knisja u s-Segreterjat għall-Edukazzjoni Nisranija osservaw li f’Malta dawn il-prodotti qed jinbiegħu fi ħwienet, fuq pjattaformi ta’ deliveries, u anke fuq siti onlajn lokali.  L-aċċess għat-tfal u ż-żgħażagħ huwa ta’ allarm partikolari.

Mil-legalizzazzjoni tal-Kannabis f’Malta, dawn il-prodotti ħarġu fis-suq tagħna u sfortunatament għadhom mhumiex illegali.

L-Awstrija, id-Danimarka, il-Belġju, l-Italja, ir-Renju Unit, Franza u l-Iżvizzera pprojbixxew dawn il-prodotti, filwaqt li pajjiżi oħra jinsabu fil-proċess li jipprojbixxuhom.

Aħna nittamaw li l-awtoritajiet kompetenti jisimgħu dan it-tħassib li anki twassal mill-Awtorità għall-użu Responsabbli tal-Kannabis,u jieħdu azzjoni immedjata billi jipprojbixxu l-prodotti kollha tal-HHC biex jipproteġu l-komunitajiet tagħna speċjalment lit-tfal u ż-żgħażagħ. Caritas Malta, Fondazzjoni OASI, l-Assoċjazjoni għall-Iskejjel tal-Knisja u s-Segreterjat għall-Edukazzjoni Nisranija jappellaw ukoll lis-sidien tal-ħwienet biex iżommu lura milli jbigħu prodotti bħal dawn speċjalment lill-minuri.