Caritas Malta tirrikonoxxi l-għażla tal-persuni li nħatru fuq il-Bord tal-Awtorità dwar l-użu responsabbli tal-Cannabis li se jkun immexxi mis-Sinjura Mariella Dimech, bħala għażla ta’ persuni ta’ reputazzjoni u ta’ esperjenza fil-qasam tagħhom.
Filwaqt li numru ta’ persuni fil-Bord kienu jaħdmu ma’ Caritas Malta fil-passat u taw kontribut siewi lis-servizzi ta’ Caritas, Caritas Malta tixtieq tiċċara li fil-Bord ta’ din l-awtorità m’hemmx persuni li formalment qed jirrappreżentaw lil Caritas.
Bħala għaqda volontarja li toffri servizzi għal persuni li jinqabdu fix-xibka tad-dipendenza fuq is-sustanzi, inkluż il-Cannabis, Caritas issostni li ma tistax tkun fuq bord li qed jirregola għaqdiet oħra li se jkunu qed jipprovdu l-Cannabis b’mod kontrollat. Dan jirriżulta f’kunflitt ta’ interess u b’hekk ma jkunx idoneu li Caritas ikollha rappreżentanza uffiċjali.
Caritas Malta esprimiet b’mod ċar li l-kunċett tal-użu responsabbli tal-Cannabis jista’ jinftiehem ħażin u jagħti x’jifhem li wieħed jista juża l-Cannabis b’mod li jagħmilx dannu għall-benesseri tiegħu. Agħar minn hekk, jekk minuri jibdew iqisu l-Cannabis bħala sustanza li wieħed jista’ juża liberalment meta jikber.
Filwaqt li Caritas dejjem irrikonoxxiet li mhux kull adult li juża l-Cannabis jiżviluppa dipendenza fuq il-Cannabis jew drogi oħra, u mhux kull adult li juża l-Cannabis iġarrab konsegwenzi serji, jibqa’ l-fatt li bħala soċjetà għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nillimitaw l-użu billi nikkontrollaw is-sustanza kif ukoll innaqsu d-domanda għaliha.
Caritas Malta għandha fiduċja li dan il-Bord, filwaqt li jrid jaħdem fil-parametri tal-liġi, jirreżisti kull influwenza għal aktar liberalizzazzjoni fit-tqassim tal-Cannabis; u li fl-eventwalitá ta’ żieda tal-użu tal-Cannabis f’pajjiżna jipproponi iktar kontrolli anki kif ġew proposti minn Caritas Malta u entitajiet oħra fil-qasam tal-ħidma soċjali, medika u tal-edukazzjoni. Caritas ukoll tittama għat-tisħiħ tas-servizzi ta’ kura mentali anke fid-dawl ta’ xejriet li xi pajjiżi fejn ġiet legalizzata l-Cannabis, eventwalment raw żieda ta’ dħul ta’ persuni fl-isptarijet tas-saħħa mentali minħabba l-użu tal-Cannabis.
Finalment, fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp f’pajjiżna, Caritas Malta tibqa’ impenjata, iktar minn qatt qabel, li tipprovdi s-sostenn li hemm bżonn lil persuni li jinqabdu bi problemi ta’ sustanzi u l-familji tagħhom, u taħdem b’mod attiv fil-prevenzjoni permezz ta’ programmi fl-iskejjel, fil-postijiet tax-xogħol u fil-komunita’. Caritas tibqa’ disponibbli għal kull kollaborazzjoni f’dan ir-rigward kemm mal-awtoritajiet u għaqdiet oħra li wkoll jaħdmu għal dan il-għan.