Caritas Malta tirringrazzja lil PG Group għall-appoġġ tagħhom favur persuni fil-bżonn

Caritas Malta, tirringrazzja mill-qalb lil PG Group għall-appoġġ kontinwu u ġeneruż permezz ta’ dividends li jgħaddu għand Caritas darbtejn fis-sena permezz ta’ 750,000 sehem tal-kumpanija li ġew mogħtija mis-Sur Paul Gauci biex Caritas tkun tista’ tibqa’ twettaq ħidma kontinwa ma’ persuni mill-iktar vulnerabbli

Matul is-snin, PG Group kien ta’ spalla wara l-ħidma u l-missjoni ta’ Caritas Malta b’mod speċjali f’servizzi psikosoċjali li jingħataw minn Caritas Community Centre fil-Ħamrun. Lil hinn mis-servizzi ta’ riabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga, mill-Caritas Community Centre jingħataw servizzi bla ħlas lil dawk l-iktar vulnerabbli u fi bżonn soċjali,  liema servizzi jingħataw minn social workers, psikoterapisti u counsellors. Fis-sena 2023 Caritas Malta permezz tal-Counselling & Social Work Unit tat sapport lil 664 persuna.

Minbarra sessjonijiet individwali, f’dan iċ-ċentru fil-komunità jsiru wkoll diversi gruppi ta’ sapport għall-persuni li jkunu għaddejjin minn separazzjoni, problemi ta’ logħob tal-azzard u użura, grupp għar-romol u wkoll grupp ta’ sapport għal min qed jirritorna fis-soċjetà wara problemi ta’ saħħa mentali. Diversi persuni jattendu wkoll grupp ta’ sapport li jlaqqgħu persuni li jkunu għaddejjin minn solitudni u emozzjonijiet diversi. Bħalissa madwar 250 persuna jiltaqgħu b’mod regolari f’dawn il-gruppi ta’ sapport kull ġimgħa.

Caritas Malta, b’mod partikolari, tixtieq turi l-apprezzament għall-kontribut sinifikanti li tirċievi darbtejn fis-sena fejn b’dawn id-dividends tista’ tkompli tilħaq dawn il-persuni li għandhom bżonn l-għajnuna.

F’dawn l-aħħar ħames snin minn meta ġew mogħtija l-ishma, Caritas Malta  rċeviet total ta’ €176,041. Ħajr b’mod speċjali lejn is-Sur Paul Gauci li għandu ferm għal qalbu l-ħidma fis-soċjetà Maltija ta’ Caritas Malta.

Il-kollaborazzjoni bejn PG Group u Caritas Malta tirrappreżenta l-impatt pożittiv u impenn ta’ responsabbiltà soċjali u wkoll tinkoraġġixxi kumpaniji oħra biex isegwu dan l-eżempju tant altruwist.