Caritas Malta COVID-19 Rispons ta’ Emerġenza

Inwieżnu lil dawk l-iktar milquta u emarġinati

Caritas Malta mħassba dwar realtà ta’ persuni li bħalissa qed isofru konsegwenzi soċjali u ekonomiċi minħabba l-Covid-19 u li għandhom bżonn għajnuna urġenti.

Permezz ta’ persuni li qed iċemplu fuq linji ta’ Caritas li nfetħu apposta, kif ukoll tal-ħidma mill-qrib ma’ NGOs u l-Kapillani fil-parroċċi, Caritas Malta qed tiltaqa’ dejjem iktar ma’ realtajiet ta’ gruppi ta’ nies vulnerabbli li huma l-aktar f’riskju matul din il-kriżi:

  • Dawk li diġà kellhom dħul baxx qabel il-pandemija;
  • Anzjani li jgħixu weħidhom, li kellhom xi għajnuna minn ġirien jew servizzi fid-dar li issa ma jistgħux jingħataw;
  • Ġenituri bi tfal b’diżabbiltà, speċjalment dawk severi li wkoll naqsilhom ir-respite peress li waqqfu l-iskejjel;
  • Dawk il-Maltin jew barranin li diġà sfaw bla saqaf u anki ma jistgħux jaċċessaw shelters minħabba restrizzjonijiet;
  • Barranin li tilfu x-xogħol jew naqsulhom is-sigħat ta’ xogħol u mhux intitolati għall-benefiċċji ta’ nuqqas ta’ impjieg jew sussidju fuq il-kera. Dawn qed jgħixu f’biża’ li ma jkollhomx biżżejjed biex iħallsu l-kera u l-biża’ li huma wkoll jisfaw bla saqaf;
  • Dawk bi problemi ta’ saħħa mentali jew bi problema ta’ dipendenza fuq id-droga li ma jistgħux jidħlu fi programmi għax għadd m’hawnx kwarantina adekwata;
  • Dawk it-tfal u nisa li qegħdin f’periklu ta’ abbuż fid-djar tagħhom.

Fl-isfond ta’ dawn il-problemi serji qed naraw ukoll diversi atti ta’ solidarjetà. Kumpaniji privati li offrew għajnuniet diversi, sidien ta’ ħwienet li m’approfittawx mis-sitwazzjoni u ma għollewx il-prezzijiet, dawk is-sidien ta’ kumpaniji li komplew jappoġġaw il-ħaddiema barranin tagħhom li mhux intotolati għall-benefiċċji u anke dawk is-sidien tal-kera li raħħsu l-kera.

Ta’ min ifaħħar ukoll il-pakkett finazjarju li qed jingħata mill-Gvern lil dawk li kellhom l-inqas dħul, l-għajnuna li tassisti kumpaniji biex jaqilbu għal work from home, is-sussidju addizjonali tal-kera, in-numru wiegħsa ta’ help lines u għajnuna oħra, però dawn mhux bilfors dejjem jolqtu lil min hu fost l-iktar emarġinat fis-soċjetà tagħna.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt jesprimi li dan huwa żmien straordinarju li qed ngħixu li jixprunana biex inxammru l-kmiem iktar minn qatt qabel għall-bniedem fil-bżonn u nimpenjaw ruħna biex Stat, Knisja, Ngos u l-Privat jikkollaboraw flimkien għall-ifqar fost il-fqar.

Caritas qed tirrispondi bħalissa billi tipprovdi diversi għajnuniet soċjali fosthom il-koordinament u tqassim ta’ madwar 500 ikla msajra kuljum. The Alfed Mizzi Foundation huma l-isponsors ta’ dawn l-ikliet bnini u nutrittivi – Solidarity Meals. Id-Djakonija Unit ta’ Caritas Malta tikkoordina t-tqassim bil-kollaborazzjoni tal-kappillani minn parroċċi differenti, il-Fondazzjoni St Jean Antide, il-Fondazzjoni Sebħ, Paolo Freire Institute u l-Millenium Chapel. Caritas torganizza ta’ kuljum roster ta’ madwar 40 persuna li qed toffri ħinha b’mod volontarju biex tqassam dan l-ikel b’mod sigur. 4 Hubs fil-paroċċi ta’ Wied il-Għajn, Bormla, l-iklin u Ħal Balzan huma ċentri li jirċievu l-ikel u li minnhom voluntiera jitilqu biex iqassmu l-ikel fuq l-għetiebi tal-persuni fil-bżonn b’mod li ma jkunx hemm kuntatt dirett uman. Qed jittieħdu numru ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni.

Romina Cuschieri, waħda mill-voluntieri, espremiet li f’dan iż-żmien diffiċli li ma tistax tkun viċin dawk l-aktar li tħobb, b’hekk qed tkun ta’ opportunità li flimkien ma’ voluntiera oħra qed iferrħu familji fil-bżonn. Esprimiet li din hija esperjenza sabiħa immens tat-tqassim tal-ikel li qed iġġib ħafna ferħ fil-qalb tal-voluntiera.

Fr Keith Bonnici, Kappillan tal-Iklin qal li din hi inizjattiva ferm sabiħa tal-Knisja f’Malta u qed iġġib iktar il-knisja viċin in-nies f’dan iż-żmien tant diffiċli tal-COVID-19. Din hi inizjattiva li qed tħalli ħafna ġid u jispera li tkun inizjattiva li togħġob lil Alla.

Dan il-proġett tat-tqassim tal-ikel beda fit-2 ta’ April b’200 ikla u f’għaxart ijiem telgħa għal kważi 500 ikla kuljum b’ċertezza li n-numru jibqa’ tiela’.

Albert Debono, kap tad-Djakonija Unit fi ħdan Caritas Malta esprima li permezz ta’ dan il-proġett ta’ solidarity meals, f’dan iż-żmien straordinarju,: “qed jirnexxilna nkomplu bil-ħidma tagħna fil-parroċċi Maltin, mal-kummissjonijiet ta’djakonija fil-parroċċa li l-iskop ewlieni jkun li dejjem jaħdmu biex jilħqu lil dawk l-aktar fil-bżonn, F’dan iż-żmien qed naħdmu biex inwasslu ikla tajba sħuna ta’ kuljum lil dawk li għal xi raġuni jew oħra lanqas isajru ma jistgħu. Qed jitqassmu 490 ikla minn 4 postijiet f’Malta u din tfisser li qed inkomplu ngħinu lil dawk li s-soltu jiġu mgħejjuna minn persuni li minħabba ċ-ċirkostanzi llum ma jistgħux, Caritas qed tkun dik l-id ta’ estenzjoni biex tilħaq f’isimhom lil dawk l-aktar fil-bżonn.”

Fost dawk li qed jibbenefikaw hemm persuni anzjani jew morda li ntilfilhom l-appoġġ li kellhom fid-dar, familji b’persuni b’diżabbiltà li fuqhom żdiedet pressjoni kbira, persuni homeless, persuni b’diffikultajiet mentali u oħrajn.

Kollaborazzjoni oħra li għandna Caritas Malta hi mal-Malta Trust Foundation immexxija

mil-Eċċellenza tagħħha l-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, rigward persuni li għaddejjin minn diffikultajiet serji imma li huma f’pożizzjoni li jippreparaw ikla huma. Dawn il-persuni qed jiġu direzzjonati lejn għajnuna li tikkonsisti f’hampers ta’ ikel.

Caritas Malta bi pjaċir tinnota li permezz ta’ din il-kriżi qed tiżdied il-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet biex kull min għandu bżonn jintlaħaq bil-mod li għandu bżonn, mingħajr replikazzjoni ta’ servizzi. Qed isir assessjar tal-bżonnijiet u persuna tiġi mgħejjuna fil-livell li hemm bżonn.

Caritas Malta tibqa’ ssostni li din il-kriżi tista tiġi mirbuħa biss bis-solidarjetà u jekk kulħadd jgħin kif jista’ biex min m’għandux jgħix ma’ min għandu. Caritas Malta tkompli tapella għas-solidarjetà u l-empatija ma’ dawk l-iktar li qed ibatu b’konsegwenza tal-COVID-19 u anki ma’ dawk ħutna barranin fil-bżonn li qed isofru fost l-agħar emarġinazzjoni f’pajjiżna.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *