Dalgħodu Caritas Malta nediet riċerka li tiffoka fuq l-anzjani li jgħixu weħidhom.
Dan l-istudju jagħti stampa panoramika tar-realtà tas-solitudni li dawn l-anzjani għaddejja minnha flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet.
Imħassba mir-realtà kiefra tas-solitudni, saret riċerka kwalitattiva bil-ħsieb li għal dawn is-snin li ġejjin niffukaw fuq faxex differenti tal-popolazzjoni u naraw aktar mill-qrib kif nistgħu ntaffu din il-pjaga.
Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta spjega kif għal ħafna snin Caritas tat importanza kbira u rispett lejn persuni anzjani u onorat is-sehem tagħhom fis-soċjetà. Semma d-diversi gruppi ta’ sapport li Caritas toffri matul il-ġimgħa kif ukoll il-kuntatt dirett ma’ min iħossu waħdu.
Josef Pace, Kordinatur tas-servizzi psikosoċjali rringrazzja lil dawk li kienu ta’ sapport biex sar dan l-istudju. Spjega li l-iskop ta’ dan l-istudju li jieħu età partikolari ta’ ’l fuq minn 60 sena – anzjani li jgħixu weħidhom.
Bernadette Briffa, Social Worker u Head tal-Counselling u Social Work Unit għamlet referenza għal messaġġ li għamel ilbieraħ il-Papa Ljun XXIV fil-fil-ġurnata ddedikata lil nanniet u l-anzjani. Spjegat li ħafna snin ilu kien twaqqaf il-HelpAge fi ħdan Caritas Malta fejn fil-parroċċi, l-anzjani kienu jieħdu l-irwol ta’ leaders u jmexxu anzjani oħra permezz ta’ social clubs li għadhom attivi sal-lum bl-appoġġ ta’ Caritas Malta HelpAge.
Caritas torganizza diversi gruppi ta’ sapport fosthom ir-ROSE group – romol u separati – li jiltaqgħu f’numru sabiħ kull nhar ta’ Ġimgħa u wkoll attivitajiet bħal Jum Dinji tal-Anzjani fejn jissejħu l-anzjani kollha kemm mill-komunità kif ukoll mid-djar residenzjali tal-anzjani u ssir quddies fl-1 ta’ Ottubru. Nhar il- Milied issir l-ikla li għaliha jattendu numru kbir ta’ anzjani li jinsabu weħidhom. Dawn l-anzjani li jattendu jibqgħu f’kuntatt ma’ Caritas għal matul is-sena.
Maria Ellul Desira, research and data officer ta’ Caritas Malta spjegat il-metodu li bih saret ir-riċerka, fejn intgħażlu persuni li spiċċaw bla kuntatt mal-kumplament tas-soċjetà u ħafna drabi dejjem id-dar weħidhom. Saru focus groups ma’ persuni romol, li għaddew minn divorzju jew annullament jew qatt ma żżewġu u jgħixu weħidhom. It-temi prinċipali kienu l-coping strategies, il-biża’ ta’ telf tal-indipendenza, u l-mumenti fejn qed iħossuhom qed jiġu ġġudikati. Din toħloq problema ta’ saħħa mentali. Is-solitudni huwa fattur meta persuna tħoss il-bżonn ta’ social connections. Ħafna drabi li wieħed ikollu pet, jivvjaġa u saħħa fil-fidi u spiritwalità, jista’ jgħin persuna jkampa mas-solitudni.
Ħarġet id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa; filwaqt li n-nisa iktar iħossu is-solitudni bħala sentiment emozzjonali, l-irġiel iktar affettwati bl-element prattiku eżempju – ‘min se jżommli is-sellum issa li qiegħed waħda’ vs li n-nisa jħossu l-vojt u jibżgħu li jkunu ta’ toqol għall-uliedhom. L-irġiel jitilfu sens ta’ identità.
Anki l-elementi ta’ staġuni jaffetwaw; tagħmel differenza ix-xitwa li jidlam malajr kontra s-sajf li jista’ jinstigak toħroġ. Permezz ta’ gruppi ta’ sapport jibdew jagħtu sens lill-ħajja tagħhom. Jenħtieġ ħafna resiljenza biex wieħed jiġġieled is-solitudni – finalment irid jinstab l-iskop għall-ħajja.
L-anzjani għandhom ħafna x’jgħallmu lis-soċjetà u għalhekk għandna niċċelebrawhom.
Josef Pace kkonkluda bir-rikomandazzjonijiet filwaqt li rrikonoxxa l-bosta servizzi offruti mill-Active Ageing and Community Care, il-Parroċċi, il-Kunsilli Lokali, Caritas Malta li taħdem b’mod kontinwu mal-anzjani.
Għandu jkollna iktar sens komunitarju u nkabbru spazji biex l-anzjani jkollhom iktar fejn imorru. L-importanza li l-anzjan jitgħallem it-teknoloġija. Għandna ninkorraġġixxu l-aspett spiritwali u s-sens tal-ħajja għax is-sens tal-fidi jgħinek timxi ’l quddiem.
L-importanza li anzjani jmorru fi skejjel jagħtu l-esperjenzi tagħhom biex noħolqu esperjenzi bejn żgħażagħ u anzjani.
Għandna ferm bżonn il-pariri tal-anzjani u rridu nisimgħuhom iktar. Nerġgħu ninkorraġġixxu il-good neighbourhood scheme għax b’hekk persuna tħoss iktar sens ta’ sigurtà.
Ara l-istudju kollu billi tagħfas hawn