Reazzjoni ta’ Caritas Malta dwar il-Baġit 2026

Caritas Malta tqis dan il-Baġit bħala Baġit soċjalment sensittiv u b’intervent sinifikanti bit-tama li familji Maltin ikollhom iktar tfal. Filwaqt li ż-żieda fid-dħul weħidha, mhux neċessarjament twassal lill-familji biex ikollhom iktar tfal, it-tnaqqis konsiderevoli fit-taxxa għall-ġenituri hu intervent bi ħsieb u ta’ min ifaħħru u jagħti messaġġ ċar tal-valur tat-tfal fis-soċjetà tagħna.

Filwaqt li kienu ħafna il-miżuri soċjali li żgur se jkunu ta’ sostenn għall-individwi u familji li qed ibatu, dan l-isforz jista jidgħajjef jekk kemm-il darba ma jkunx hemm salvagwardja għall-ambjent soċjali u naturali madwarna permezz ta’ infurzar effettiv.
F’din ir-reazzjoni nelenkaw dak li hu pożittiv u dak li jista jkun li ma ntlaħaqx.

Miżuri Soċjali Pożittivi:
Lill-hinn mit-tnaqqis sinifikanti tat-taxxa għall-familji b’żewġ ulied, dan hu Baġit soċjalment sensittiv fost oħrajn, minħabba ż-żieda fiċ-Children’s Allowance għall-familji bi dħul baxx; iż-żidiet fil-benefiċċji għall-familji inkluż dawk fejn hemm diżabbilità; l-investiment fiċ-ċentri ġodda ta’ saħħa mentali u l-inclusion hub; żidiet għall-pensjonanti; l-Equity Sharing, First Time Buyers Scheme u Nikru biex Nassistu.
Caritas tilqa’ bis-sħiħ il-miżuri li jżidu €10 fil-ġimgħa għall-klijenti tar-riabilitazzjoni u erba’ snin ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal min itemm b’suċċess il-programm, bħala passi pożittivi li jsaħħu r-reintegrazzjoni u d-dinjità ta’ dawk li qed jaħdmu biex jibnu ħajjithom mill-ġdid. L-istess il-konsultazzjoni pubblika dwar il-protezzjoni tat-tfal mill-impatt tal-midja soċjali hija pass pożittiv biex jitħarsu t-tfal online.

Dak li ma ntlaħħaqx:

Caritas Malta tibqa’ ssejjaħ għall-bżonn ta’ servizz speċjalizzat ‘low threshold’ għal persuni bla saqaf li huma vulnerabbli minħabba dipendenza fuq id-droga flimkien ma’ problemi severi ta’ saħħa mentali; kif ukoll il-bżonn ta’ secure unit għall-adolexxenti bi mġiba perikoluża għalihom u għal ta’ madwarhom. Dan biex ikun hemm alternattiva ġusta għall-ħabs jew l-isptar għall-kura tas-saħħa mentali għal dawn iż-żgħażagħ.

Il-bżonn ta’ arja nadifa u l-ambjent naturali jibqa’ bżonn importanti għas-saħħa fiżika, imma wkoll dik mentali. Filwaqt li nirrikonoxxu l-isforzi kollha li digà qed isiru f’dan ir-rigward inkluż il-fondi għall-infrastruttura biex bastimenti fil-portijiet tagħna jieħdu l-elettriku mill-art biex jitnaqqas it-tniġġiż, jidher li soluzzjoni deċisiva li tnaqqas id-dipendenza fuq il-karozza għadha qed tigi studjata.

L-affordabbiltà tal-kirjiet u l-aċċess għall-akkomodazzjoni għal dawk anki bi dħul medju jidher li se tibqa’ sfida kontinwa. L-interventi li saru bla dubju se jgħinu però faxxa ta’ nies li ma jikkwalifikawx għall-akkomodazzjoni soċjali u lanqas għas-sussidju tal-kera, jistgħu jibqgħu f’riskju li ma jlaħħqux mal-ispejjeż tal-ħajja jekk jiddependu mill-kera privata. Jaf ikun hemm bżonn li jitwessgħu l-brackets tal-eliġibbiltà tas-sussidju tal-kera.

Konklużjoni
Dan il-Baġit ikompli jsaħħaħ il-welfare state f’Malta u jagħti messaġġ qawwi favur il-valur tat-tfal fil-familji tagħna, b’ħafna miżuri b’potenzjal li jwieżnu dawk bi dħul baxx u dawk vulnerabbli. Hemm oqsma, kif elenkati, fejn hemm bżonn ta’ iktar ħidma. Għal Caritas Malta tibqa’ ċara t-triq fejn kull inizjattiva li ssaħħaħ il-familja, il-komunitajiet tagħna u l-ambjent naturali, hi t-triq li twassal għal kwalità u benesseri fil-ħajja.
Fl-istess nifs, b’mod kollettiv, iridu jiġu miġġielda dak li hu ta’ theddida għal dan. Qabel xejn it-theddida tal-mentalità konsumerista, materjalista u individwalista. Ma’ din hemm ukoll infurzar ineffettiv li jibqa’ ta’ theddida għas-salvagwardja tal-ambjent soċjali u naturali ta’ pajjiżna. Eżempju ta’ dan hu nuqqas ta’ infurzar tal-liġi marbut mal-użu tal-Kannabis fil-pubbliku u quddiem it-tfal; il-bżonn li jitneħħew prodotti b’sustanzi sintetiċi illegali perikolużi mill-ħwienet; il-kontrol tas-sewqan taħt l-influwenza ta’ xorb u droga; kull sfreġju ambjentali li mhux imrażżan u l-abbuż fil-liġijiet tax-xogħol.
Caritas Malta tibqa’ dejjem disponibbli għal kull tisħiħ li tista’ tagħti kontribut fih.