Diskors fil-Plenarja tal-Parlament Malti fl-10 ta’ Ottubru 2025
Mr Speaker, Membri Parlamentari distinti, Mistednin għeżież,
Huwa privileġġ għalija li nkun magħkom illum f’isem Caritas Malta, biex niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Ikel, taħt il-Patroċinju tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti. It-tema ta’ din is-sena – “Id f’id għal ikel aħjar u futur aħjar” – tolqotna direttament bħala pajjiż u bħala soċjetà.
L-ikel mhux biss huwa mezz ta’ għajxien iżda huwa parti integrali tal-kultura lokali, jagħti dinjità u huwa forma ta’ solidarjetà ċivili. In-nuqqas ta’ ikel, kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità, jaffettwa wkoll is-saħħa mentali tagħna. Nixtieq naċċenna li llum qed infakkru l-Jum iddedikat għas- Saħħa Mentali u nsellem lil dawk kollha li għal xi mod jew ieħor għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli. Madankollu, waqt li ħafna minna ngħixu fil-ġid, hemm oħrajn li kuljum iħabbtu wiċċhom mal-faqar u nuqqas ta’ bżonnijiet bażiċi. Dan il-paradoss jinkixef aktar meta niftakru kemm ikel jintrema kuljum, xi kultant mingħajr ma jasal għand min għandu bżonnu.
Ix-xogħol li tagħmel Caritas f’Malta u entitajiet ekkleżjali, flimkien ma’ NGOs oħra u entitajiet governattivi juri b’mod ċar kemm is-solidarjetà hi ħajja u effettiva:
- Permezz tas-Solidarity Meals fi żmien il-COVID qassamna madwar 800 ikla bnina kuljum lill-familji u individwi fil-bżonn, bl-appoġġ ta’ The Alfred Mizzi Foundation.
- F’Dar Papa Franġisku, b’kollaborazzjoni mal-Gvern (permezz tal-Ministeru tal-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal) u The Alfred Mizzi Foundation, noffru minn 50 sa 70 ikla kuljum lill-persuni bla saqaf u lil dawk f’sitwazzjonijiet diffiċli.
- B’kollaborazzjoni ma’ NGOs bħal Life Line Foodbank Foundation u St Peter’s Foundation u oħrajn nassistu nies li jkollhom bżonn tal-ikel.
- Il-Knisja f’Malta, permezz ta’ Djakonija, għandha 26 entità soċjali li permezz tagħhom tilħaq nies f’riskju ta’ faqar, inkluż mini food banks f’14-il parroċċa, kif ukoll servizzi bħal Kċina ta’ Marta fi ħdan id-Djoċesi u Soup Kitchen tal-Franġiskani fil-Belt.
- L-Organizzazjoni Governattiva FSWS (Foundation for Social Welfare Services) torganizza t-tqassim ta’ ikel bażiku permezz ta’ fondi Ewropej lill-familji bi dħul baxx.
Fl-istudju li Caritas tagħmel kull erba’ snin tal-Minimum Essential Budget for a Decent Living (MEBDL), niftakru wkoll li l-ikbar nefqa mill-basket bażiku tal-familji bi dħul baxx huwa l-ikel – madwar 50%. Nafu wkoll li l-ikel hu fost l-iktar prodotti essenzjali li huwa affettwat mill-għoli tal-ħajja. Caritas ma tiqafx hawn: l-iskop aħħari tagħna hu l-eradikazzjoni tal-faqar. Għalhekk, naħdmu bi sħubija ma’ entitajiet oħra, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, biex nilħqu dan il-għan.
Kollaborazzjoni konkreta hi mal-Malta Food Agency (MFA), li diġà ħadmet fuq l-inizjattiva Żomm Tarmix. Inizjattiva ta’ min ifaħħarha għax tiġġieled il-ħela filwaqt li tilħaq familji vulnerabbli. Permezz ta’ app li permezz tagħha, f’kollaborazzjoni ma’ kumpaniji lokali oħra, ikel viċin id-data ta’ skadenza jiġi offrut lil NGOs reġistrati biex iwasslu dan l-ikel li min hu fil-bżonn. Naraw li l-istess Malta Food Agency taħdem qatigħ biex tqassam prodotti agrikoli għal skop soċjali meta dawn ma jinbigħux. Meta familja tkun mgħejjuna b’dan il-mod id-disposable income tagħha jiżdied u dik il-familja tkun tista’ tlaħħaq iktar mal-ħajja.
Madankollu, wieħed irid ifakkar id-diffikultà li tinħoloq meta jkun hemm nuqqas ta’ cold u dry storage facilities f’Malta: dan jagħmel diffiċli li jiġu maħżuna surplus ta’ prodotti agrikoli u l-istess ta’ prodotti mis-supermarkets. Għalhekk, Caritas għaddejja b’diskussjonijiet mal-Malta Food Agency biex Caritas toffri binjiet bħala storage facility b’potenzjal ta’ kollaborazzjoni fi proġett fejn dan l-ikel jista’ jiġi maħżun b’mod sigur u nkomplu nwassluh lil min għandu bżonn.
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-MEBDL jikkonfermaw li l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel trid tkun sistematika: ippjanar aħjar fil-produzzjoni, katini ta’ forniment strateġiku, qafas legali b’saħħtu u sensibilizzazzjoni kontinwa fis-soċjetà. Caritas Malta, flimkien ma’ diversi msieħba, qed tħaddan l-istess għan u taħdem biex l-ikel jasal għand min għandu bżonn.
Fl-aħħar, irridu nfakkru li kull ikla mitlufa mhix biss riżorsa moħlija, imma opportunità mitlufa biex inħarsu lil xi ħadd fil-bżonn. Biex indawru din ir-realtà, irridu naħdmu flimkien – il-Gvern, il- Knisja, is-soċjetà ċivili, in-negozji privati u kull familja.
F’din l-okkażjoni ta’ 80 sena anniversarju ta’ Jum Dinji tal-Ikel, ejjew nikkonvertu l-intenzjonijiet f’azzjoni: insaħħu sistemi ta’ ġbir, ħażna u tqassim tal-ikel, ngħallmu dwar il-konsum responsabbli, u nħeġġu lill-impriżi jadottaw prattiċi sostenibbli.
B’hekk, nistgħu nassiguraw li l-futur tal-ikel f’Malta jkun mhux biss sikur, imma wkoll ġust u sostenibbli.
Grazzi ħafna.