Martin Azzopardi li sena ilu temm b’suċċess distanza bir-rota ta’ 170km minn Pozzallo sa Ortigia fi Sqallija b’risq Caritas Malta, dis-sena se jerġa’ jagħmel distanza ikbar bl-istess skop li jiġbor fondi b’risq l-istess organizzazzjoni.
Distanza ta’ 252km din id-darba se tkun l-isfida ta’ Martin li se ssir bejn is-07 u 08 ta’ Ġunju 2025m, din id-darba bejn Messina u Pozzallo. Azzopardi għażel li jirdoppja d-distanza fuq diversi raġunijiet fosthom li sab ħafna sapport minn familjari, ħbieb, it-team tiegħu u Caritas u wkoll għax għal kull kilometru ta’ qdif se jkun qed jirrappreżenta lil dawk il-persuni li jiġu mgħejjuna minn Caritas Malta.
Waqt kumment li ta Martin Azzopardi qal: “Għal darb’oħra għażilt Caritas għax din il- Fondazzjoni hija ferm għal qalbi. Fix-xogħol tiegħi ta’ kuljum niltaqa’ ma’ ħafna persuni u familjari li jiġu bżonn l-għajnuna ta’ din l-organizzazzjoni u naf ħafna minn dawn il-persuni li llum rritornaw lura fis-soċjetà bħala persuni sħaħ bid-dinjitià kollha tagħhom qishom reġgħu twieldu mill-ġdid. Nibqa’ wkoll ngħożż il-memorja ta’ Monsinjur Victor Grech li tant ħeġġiġni waqt din l-ewwel avventura tiegħi biex nibqa’ ngħin u nagħmel il-ġid ma’ dawk l-aktar li għandhom bżonn.” Martin kompla jispjega li ilu jipprepara għal din id-distanza bir-rota minn meta spiċċa l-maratona tas-sena l-oħra. It-taħriġ iqis li huwa ta’ importanza kbira u jesiġi element ta’ dedikazzjoni biex ikun preparat kif suppost għall-isfida li jmiss.
Martin Azzopardi jappella biex iktar persuni li għandhom bżonn is-sapport ta’ Caritas iżommu ruħhom aġġornati b’dak li toffri din l-organizzazzjoni u barra minn hekk japprezza li jingħata donazzjonijiet biex hu jkun jista’ jgħaddihom lil Caritas biex tkompli tevolvi fis-servizzi tagħha lejn is-soċjetà Maltija.
Martin Azzopardi jirringrazzja lil dawk kollha li qed jagħtuh sapport b’mod speċjali lil mara tiegħu Sandra li dejjem warajh f’dawn l-inizjattivi u wkoll lill-kollegi tax-xogħol, ħbieb u t-team li se jakkumpanjawh inkluż id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt. Finalment irringrazzja lill-isponsors: Isotonic Drink, Casapinta Exhibitions and Events, Joseph Woodworks Ltd, Virtu Ferries Ltd u t-team li jaħdem magħhom tal-Emergency Malta – dawn kollha jikkontribbwixxu biex jagħmlu din il-maratona possibbli.
Wieħed jista’ jagħti donazzjoni u juri sapport lil Martin fuq Revolut 99656510
Din hija parti minn kampanja li Caritas Malta tagħmel ta’ 3rd party events, fejn individwi, kumpaniji, jew gruppi, eċċ… javviċinaw lil Caritas b’xi attività li jkunu se jagħmlu u b’hekk jinġabru fondi b’risq din l-entità.
Dawn il-fondi jkunu ferm ta’ sostenn għall-ħidma ta’ Caritas Malta fejn minbarra s-servizzi bi djar terapewtiċi residenzjali ta’ riabilitazzjoni mid-droga, Caritas Malta toffri servizzi psiko-soċjali miċ-ċentru fil-komunità, il-Ħamrun, (Caritas Community Centre), liema servizzi huma kollha mingħajr ħlas.
VO Number: 1576