MINIMUM ESSENTIAL BUDGET FOR A DECENT LIVING MEBDL 2024

Il-Minimum Essential Budget for a Decent Living (MEBDL) 2024 huwa r-raba’ edizzjoni ta’ dan l-istudju, ippubblikat minn Caritas Malta. Minn meta ħareġ l-ewwel studju fl-2012, l- MEBDL kien dejjem marbut mal-viżjoni ta’ Caritas Malta li tgħin sabiex teradika l-faqar, tippromwovi l-iżvilupp uman, u tinkoraġġixxi l-ġustizzja soċjali. L-għan ewlieni tal-MEBDL hu li jiddetermina l-ispiża ta’ basket bażiku ta’ prodotti u servizzi li kull persuna teħtieġ biex tgħix ħajja dinjituża.

L-edizzjoni tal-2024 tibni fuq l-edizzjonijiet preċedenti, billi żżomm metodoloġija simili. L-istudju għandu żewġ oġġettivi ewlenin: l-ewwel nett, ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-komponenti essenzjali fil-basket bażiku (MEBDL Basic Basket) meħtieġa biex jintlaħaq livell ta’ għajxien diċenti f’Malta; it-tieni, il-kalkolu tal-baġit minimu għal tliet tipi ta’ familji bi dħul baxx: żewġ adulti b’żewġt itfal dipendenti, ġenitur waħdu b’żewġt itfal dipendenti, u koppja ta’ età ta’ 65 sena u ’l fuq. Huwa maħsub li l-adulti għandhom bejn 30 u 45 sena, filwaqt li t-tfal huma ta’ età primarja jew sekondarja (9-15-il sena).

L-istudju MEBDL 2024 ġie mwettaq fi tliet fażijiet:

  1. Letteratura Akkademika: Ġiet analizzata letteratura lokali u Ewropea dwar il-benessere, assessjar tal-faqar u dħul inekwu, u statistika relevanti fil-kuntest tas-sitwazzjoni soċjo-ekonomika Maltija.
  2. Ġbir ta’ Każi tipiċi ta’ individwi li qed iħabbtu wiċċhom ma’ tbatija finanzjarja li jiltaqgħu magħhom il-professjonisti ta’ Caritas Malta.
  3. Konsultazzjoni mal-Esperti: Esperti minn diversi setturi ġew ikkonsultati dwar il-komponenti tal-basket.
  4. Tfassil u pprezzar tal-basktijiet: Gew imfassla l-Basket Bażiku u l-Basket Miżjud b’dettall kbir u sar l-ipprezzar biex ġie stabbilit il-baġit minimu għat-tliet tipi ta’ familji bi dħul baxx.

Il-Basket Bażiku tal-MEBDL 2024 jinkludi tmien kategoriji essenzjali: ikel, ilbies, kura personali, saħħa, oġġetti u manteniment tad-dar, edukazzjoni, kultura u rigali, trasport, u akkomodazzjoni soċjali ssussidjata.

Il-Basket Miżjud (Augmented Basket) tal-MEBDL 2024 jinkludi l-ispejjeż relatati ma’ li tiekol barra f’restorant darba fix-xahar, li jkollok karozza, li tgħix f’post mikri li mhux issussidjat. Għal din l-edizzjoni żdiedu wkoll li xi kultant tordna snack biex tikolha d-dar u l-kura ta’ annimali domestiċi.

Sar ukoll studju żgħir dwar l-ispejjeż ta’ darba u dawk rikorrenti ta’ familji li jkollhom tarbija jew tfal ta’ età bikrija. Dan mhux inkluż fil-Basket Bażiku.

L-ipprezzar tal-basktijiet tal-MEBDL sar bejn Frar u Mejju 2024. Fl-għażla tal-oġġetti u servizzi sar sforz biex kemm jista’ jkun tiġi mħarsa s-saħħa tal-persuna filwaqt li jiġu rispettati r-riżorsi ambjentali.

L-ispiża ta’ sena tal-Basket Bażiku (Basic basket) għat-tliet familji differenti hija:

  • Żewġ adulti b’żewġt itfal dipendenti: €19,153.00
  • Ġenitur waħdu b’żewġt itfal dipendenti: €17,012.83
  • Koppja ta’ età ta’ 65 sena u ’l fuq: €14,731.79.

L-ispiza ta’ sena tal-Basket Miżjud għat-tliet familji differenti hija:

  • Żewġ adulti b’żewġt itfal dipendenti: €33,176.50
  • Ġenitur waħdu b’żewġt itfal dipendenti: €30,724.33
  • Koppja ta’ età ta’ 65 sena u ’l fuq: €26,556.29

L-ikbar spiża fil-basket hija dik tal-ikel għat-tliet familji, li kienet bejn 30% u 56%.

Ir-rapport jinkludi wkoll 31 rakkomandazzjoni għal politika, inizjattivi, edukazzjoni u riċerka. L-għan aħħari hu li l-MEBDL 2024 jipprovdi stampa komprensiva ta’ dak li jikkostitwixxi ħajja diċenti għal familji bi dħul baxx f’Malta, u b’hekk jispira politika u strateġiji li jippromwovu l-ġustizzja soċjali, ugwaljanza ekonomika, u għajxien sostenibbli u b’dinjità.

 

L-istudju sħiħ tal-Minimum Essential Budget for a Decent Living (2024): https://www.caritasmalta.org/research-advocacy/a-minimum-essential-budget-for-a-decent-living-2024/