Caritas Malta – Tkompli bir-Rispons ta’ Emerġenza – Covid-19

Servizz Residenzjali ta’ Kwarantina

għal Persuni b’Dipendenza fuq id-Droga

f’Dar Charles Miċeli

bi preparazzjoni għad-dħul 

fil-Komunità Terapewtika ta’ San Blas

Hekk kif bdiet tfeġġ il-COVID-19 Caritas Malta kellha twaqqaf id-dħul fid-djar ta’ riabilitazzjoni mid-dipendenza fuq id-droga. Dan ġab tħassib serju dwar kif persuni mifnijin bil-problema tad-droga u l-familji tagħhom se jagħmlu mingħajr refuġju anke fid-dawl li ħafna mis-servizzi li jagħmlu użu minnhom dawn il-persuni ġew limitati.

Wara ġimgħat ta’ ħidma intensiva b’diskussjonijiet mal-awtoritajiet konċernati, illum waslu l-ewwel 3 persuni biex jibdew il-vjaġġ tagħhom f’San Blas wara perjodu ta’ ġimagħtejn kwarantina f’Dar Charles Miceli fil-Mosta.

Dar Charles Miceli, iċ-ċentru ta’ Caritas Malta ta’ Aftercare, għal dawn l-aħħar sentejn serva biex jilqa’ lil dawk il-persuni li temmew il-mixja tagħhom fi programm residenzjali, u biex dawn jirrintegraw ruħhom lura fis-soċjetà. Din id-dar tat servizz lil madwar 200 persuna fis-sena, li sabu sapport 24/7 mit-Tnejn sal-Ħadd u fuq kollox serva ta’ hub soċjali għal dawn il-persuni.

Illum, f’sitwazzjoni straordinarja u ta’ emerġenza, filwaqt li s-servizzi ta’ Aftercare komplew b’mod addattat għal-COVID-19, parti minn Dar Charles Miceli, qed isservi biex tilqa’ lil dawk li jixtiequ jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni.

Joshua Aquilina, il-Kordinatur tal-programmi ta’ riabilitazzjoni fi ħdan il-Proġett Tama Ġdida, spjega li filwaqt li s-servizzi ta’ Aftercare li tipprovdi Dar Charles Miceli għadhom qed jiġu pprovduti b’mod adattat għal-COVID-19; issa d-Dar qed tipprepara wkoll lil dawk li jixtiequ jagħmlu programm residenzjali. Dan isir billi persuna tinżamm ħmistax-il ġurnata kwarantina biex ikun assigurat li l-persuni m’għandhomx il-virus qabel jidħlu San Blas. Kull ġimagħtejn ikunu jistgħu jidhlu 3 persuni ġodda li għandhom bżonn is-servizz.

“Huwa ta’ sodisfazzjon li wara diversi ġimgħat ta’ laqgħat u ppjanar wasalna biex nagħtu dan is-servizz b’rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet u bi proċeduri li jipproteġu l-klijenti u lill-istaff. Dan kollu biex b’hekk inkunu strument li nerġgħu nagħtu dinjità li tixraq lil dawn l-individwi u li meta se jħabbtu l-bieb tagħna se jerġgħu jsibuh miftuħ”

It-tliet residenti li għadhom kif għaddew min din il-kwarantina xtaqu jaqsmu xi ħsibijiet biex jagħmlu l-kuraġġ lil ta’ warajhom. Hekk kif illum se jkunu qed jimxu pass ieħor u jibdew il-mixja tagħhom lejn San Blas esprimew hekk:

1: “Ftit tax-xhur ilu erġajt mort inħabbat il-bieb ta’ Caritas wara 19-il sena li kont waqaft mill-użu tad-droga. Bil-bibien miftuħa u tgħanniqa għal darb’oħra reġgħu laqgħuni minnufih. Waqaft nuża għal perjodu ta’ ġranet. Kelli data fissa biex nidħol San Blas nagħmel programm ta’ riabilitazzjoni, iżda ġara li faqqgħet din il-pandemija tal-Covid 19 u għalhekk bħalma jaf kulħadd waqaf kollox.

Xorta waħda bqajt clean (jiġifieri ma nużax droga). Kelli tama li għad jgħaddi kollox u nidħol. Iżda l-pandemija baqgħat tinfirex u ġara li bil-ħila ta’ ħafna staff u membri ta’ Caritas iddeċidew li parti mid-Dar Charles Miceli tintuża għal kwarantina.

Jien flimkien ma’ żewġt żgħażagħ oħra ntgħażilna biex nibdew nippreparaw għal programm. Kienet sfida kbira għal kulħadd u lkoll konna ninsabu b’tip ta’ stress sakemm bdiet taħdem l-istruttura.

S’intendi matul dawn il-ħmistax inqalgħu diversi emozzjonijiet li drabi oħra konna mill-ewwel naraw kif se naħarbu minnhom billi nduru għad-droga. Hawn f’ din id-dar sibna wisq għajnuna. Bdejna nitgħallmu kif għandna niffaċċaw ir-realtà u negħlbuha bil-ħsieb. Naħdmu kif nistgħu nirranġaw u ma mmorrux lura, nimxu ’l quddiem. Dan għalija huwa t-tieni pass ta’ mixja twila. Sirna nafu iktar lil xulxin u perswaz li FLIMKIEN id f’id nistgħu nkunu ta’ appoġġ għal xulxin u naslu biex nilħqu l-għanijiet tagħna.

Grazzi lil kulħadd.”

2: “What started as a time in our life full of anxiety, turned out to be a great experience and a 2 week journey of preparation for San Blas and one of friendship.

The time we were in quarantine passed by far much quicker than expected as we had a well balanced structure, one of learning, time to get to know one another, be in a community and were as a team we cannot thank the staff enough for all the preparation, dedication and the hard work they have done for us especially in this difficult time. Not forgetting the great food they cooked for us.

On small message for all the persons out there seeking help. Call if you are in need. The first step is the hardest but the support you will find here will help you get through the tough times you are having.”

3: “Dawn il-ħmistax-il ġurnata li għamilt hawn nista’ ngħid li kienu tajbin għalija personali. Dawn l-aħħar sitt xhur qabel ma dħalt hawn, kont qiegħed inqattagħhom id-dar. Spiċċajt bla xogħol, ma nagħmel xejn u mingħajr skop. Għallinqas hawn kelli struttura, sibt żewġ residenti oħra li għaddejna mumenti sbieħ flimkien u staff li stajna niftħu qalbna miegħu. Konna stmati tajjeb ħafna rigward ikel u affarijiet bżonnjużi ta’ kuljum. Xi ftit mumenti diffiċli kelli wkoll bħal meta tibda timmissja lil tad-dar, barra u ġranet li forsi jkollok nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-bqija bħala struttura naħseb li hija tajba u ideali ħafna għal min ikun għadu dieħel minn hemm barra. Fl-aħħar u mhux l-inqas nixtieq nirringrazzja lill-istaff u r-residenti l-oħra għal għajnuna li tawni waqt dawk il-mumenti diffiċli li kelli.”

Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta esprima apprezzament għal kull min ta’ sehem biex naslu għal dan is-servizz, “Qabel xejn nirringrazzja lill-Ministru Michael Falzon u l-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali li kkontribwixxa fondi għall-operat ta’ Dar Charles Miceli sa mill-bidu tal-ftuħ ta’ din id-dar – fondi li ssarfu f’għajnuna kruċjali għal għexieren ta’ persuni li llum sabu posthom fis-soċjetà; għall-appoġġ sħiħ tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali u anke l-effiċenza tal-istess awtorità biex ħarġet il-liċenzja ta’ emerġenza għal dan is-servizz; tal-pariri siewja mid-direttorat tas-saħħa pubblika; għal numru kbir ta’ benefatturi għas-sostenn finanzjarju u materjali u li għenu biex isir l-adattament tal-post biex ikun jista’ jiġi trasformat fi kwarantina; finalment grazzi kbira lill-istaff kollu li ħadmu id f’id, b’mod dedikat u għall-flessibbilità li wrew biex jintgħeleb l-ostaklu li ħolqot il-COVID-19.”

Id-Direttur ta’ Caritas jesprimi x-xewqa li din l-istqarrija u l-esperjenzi ta’ dawn ir-residenti jnisslu tama ġdida għal dawk li fiċ-ċirkostanza tal-COVID-19 kienu qed jaraw bis-ħajt u ostakli biex jagħmlu pass ’il quddiem f’ħajjithom.

Wieħed mill-kunċetti fil-programm itenni li ‘vjaġġ ta’ elf mil li jibda bl-ewwel pass’. Caritas Malta tawgura s-saħħa u l-kuraġġ lil dawn ħutna li waslu biex jagħtu l-ewwel pass.